Panama: Il-Pulizija tfittex fl-uffiċċji tal-UEFA dwar kuntratt ta’ Infantino

Id-dokumenti mill-kumpanija mill-Panama, Mossack Fonseca, laqtu anke lid-dinja sportiva.
Wara l-iskandlu marbut mat-Tazza tad-Dinja, li wassal għar-riżenja tal-kap tal-FIFA Sepp Blatter, issa l-Panama Papers wasslu għal investigazzjoni mill-Pulizija fl-uffiċċji tal-UEFA hekk kif isem Gianni Infantino, li ħa post Blatter, issemma wkoll f’dawn id-dokumenti.
Sa ftit ġimgħat ilu, Infantino kien id-direttur tas-Servizzi Legali fi ħdan il-UEFA.
Il-Pulizija Żvizzera qed titlob id-dettalji ta’ kuntratt iffirmat fl-2006 dwar drittijiet tat-televiżjoni fl-Ekwador għax-xandir tal-logħob taċ-Champions League, il-UEFA Cup u s-Super Cup.
Il-kuntratt kien ikkonkludih Infantino ma’ żewġ negozjanti, missier u iben, li sadattant ġew involuti fl-iskandlu tal-futbol u jinsabu taħt arrest f’darhom fl-Arġentina.
Infantino madankollu ċaħad kull dubju li jista’ jkun hemm, bil-UEFA ssostni li qed tikkopera b’mod sħiħ mal-Pulizija.