Panama: Il-PM tal-Iżlanda jgħid li ma rriżenjax

Wara l-kxif tal-Panama Papers u l-iżviluppi tal-bieraħ, fi stqarrija uffiċċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Iżlanda intqal li Sigmundur David Gunnlaugsson ma rriżenjax imma resaq biss fil-ġemb b’mod temporanju.
Il-11-il miljun dokument, li fihom jissemma wkoll il-Ministru Konrad Mizzi, iwasslu għal tħassib ta’ kunflitt ta’ interess mill-Prim Ministru Iżlandiż b’rabta ma’ kumpanija li kellu fil-Panama u li għadda lil martu fi żmien ta’ pressjoni għal bailout għall-banek Iżlandiżi li fihom kellha interessi finanzjarji l-kumpanija tiegħu.
L-akkuża hi li l-kumpanija ntużat biex taħbi miljuni ta’ ewro f’investiment u li l-Prim Ministru ma kienx iddikjaraha fil-Parlament, u kellu kunflitt ta’ interess.
L-aħbarijiet ilbieraħ kienu li Gunnlaugsson talab lill-President tal-pajjiż biex ixolji l-Parlament.
Dan m’aċċettax mill-ewwel u talab biex jikkonsulta mal-partiti politiċi l-oħra, speċjalment mal-partit li jifforma koalizzjoni fil-Gvern.
Ftit ħin wara, ħarġet l-aħbar li Gunnlaugsson irriżenja iżda iktar tard ikkjarifika li tiegħu mhix riżenja imma biss waqfa temporanja.
Hu se jibqa’ jmexxi l-Partit Progressiv u l-Viċi tiegħu se jidħol fiż-żarbun ta’ Prim Ministru għal “perjodu ta’ żmien mhux speċifikat”.