Panama: “Il-kumpaniji bdew jinfetħu 5 ijiem wara l-elezzjoni”

Il-kumpaniji fil-Panama ta’ persuni Maltin viċin tal-Prim Ministru Joseph Muscat bdew il-proċess biex jinfetħu ħamest ijiem wara li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern.
Aġenzija tal-aħbarijiet fl-Awstralja qalet li kumpanija f’Malta bdiet tiftaħ kumpanija fil-Panama għal uffiċjali għolja tal-Partit Laburista Malti ħamest ijiem biss wara li l-PL rebaħ l-elezzjoni tal-2013.
Id-dokumenti juru li l-ħidma biex jinfetħu dawn il-kumpanija bdiet b’email mingħand Karl Cini, partner ta’ Nexia BT lill-uffiċċju fil-Panama ta’ Mossack Fonseca, il-kumpanija li tinsab fil-qalba tal-Panama Papers. "Dan l-imejl intbagħat fl-14 ta’ Marzu 2013 propju ħamest ijiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni."
Ir-rapport fl-Australian Financial Review jgħid ukoll kif il-liġijiet fi New Zealand huma ħfief għall-investituri li jridu jevadu t-taxxa. Filfatt, jeżistu dokumenti ta’ negozjanti li qed jitqiesu bħala viċin tal-Prim Ministru Joseph Muscat li fetħu kumpaniji fil-Panama u fil-British Virgin Islands.
F’reazzjoni għal dak li ppubblikat l-Australian Financial Review , Keith Schembri ċaħad “l-insinwazzjonijiet bla bażi” li hemm fl-artiklu.
Schembri qal li l-kumpanija reġistrata bl-isem Tillgate Inc  akkwistaha hu fit-2 ta’ Lulju, 2015, għall-finijiet tat-Trust fi New Zealand. Tenna li l-iskop tal-kumpanija huwa għall-ippjanar tal-proprjetà.