Panama: Gvern 41 vs Oppożizzjoni 123

Il-kelma Panama nstemgħet 165 darba fil-Kamra tar-Rappreżentanti matul 13-il siegħa ta’ dibattiti nhar it-Tnejn 18 ta’ April.
Analiżi minn Newsbook.com.mt turi li, kif mistenni, 67% jew 123 darba, il-kelma Panama ssemmiet min-naħa tal-Oppożizzjoni. Id-deputati min-naħa tal-Gvern użaw il-kelma Panama 41 darba.
Waqt id-dibattitu dwar il-vot ta’ sfiduċja fil-Gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil semma 27 darba l-pajjiż li qed jissemma f’dak li qed jitqies bħala l-ikbar skandlu ta’ korruzzjoni.
Il-pajjiż fl-Amerika Ċentrali ssemma 19-il darba mill-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami, 18-il darba mid-deputat indipendenti Marlene Farrugia, u 10 darbiet mid-deputat Nazzjonalista Clyde Puli.
Il-PM jsemmi l-Panama darba biss
Il-Prim Ministru Joseph Muscat semma l-kelma Panama darba biss, filwaqt li l-Ministru Konrad Mizzi semmieha tmien darbiet u għaldaqstant kien l-aktar deputat min-naħa tal-Gvern li semma l-pajjiż fejn għandu kumpanija.
25 deputat parlamentari ma semmewx il-Panama fid-diskorsi parlamentari tagħhom: 3 min-naħa tal-Oppożizzjoni u 22 min-naħa tal-Gvern.
Konrad Mizzi jissemma 10 darbiet fis-siegħa
Isem il-Ministru Konrad Mizzi ssemma kważi għaxar darbiet fis-siegħa, b’kollox 126 darba. Madanakollu fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ma semmieh qatt.
Id-deputati tal-Oppożizzjoni semmewh 117-il darba, filwaqt li dawk min-naħa tal-Gvern semmewh disa’ darbiet.
29 darba ssemma minn Beppe Fenech Adami, 24 darba minn Simon Busuttil, u 13-il darba mill-Viċi Kap Nazzjonalista Mario de Marco u d-deputat Nazzjonalista Tonio Fenech.
Fid-diskors tagħha, Marlene Farrugia semmiet lil Konrad Mizzi għaxar darbiet.
Chris Fearne ma jsemmix lill-Ministru Mizzi
Isem il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa ma ssemmiex fid-diskorsi ta’ 41 deputat: 10 min-naħa tal-Oppożizzjoni u 31 min-naħa tal-Gvern fosthom is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne li jirrapporta lill-istess Ministru.
Fiduċja vs Sfiduċja
Hekk kif id-dibattitu kien dwar vot ta’ sfiduċja fil-Gvern, li b’emenda min-naħa tal-Gvern inbidel għal vot ta’ fiduċja, il-kelmiet sfiduċja u fiduċja ssemmew 204 darba. Il-kelma fiduċja ssemmiet 55.4% jew 113-il darba. 76 darba ssemmiet min-naħa tal-Gvern, l-aktar mill-Ministru Chris Cardona li użaha 22 darba, segwit mill-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon li użaha 13-il darba.  Il-Prim Ministru ma semma qatt il-kelma fiduċja, il-Kap Nazzjonalista semmieha 15-il darba.
Anke l-kelma sfiduċja ntużat l-aktar min-naħa tad-deputati Laburisti, b’79%. L-aktar deputati min-naħa tal-Gvern li użaw il-kelma sfiduċja fid-diskorsi tagħhom kienu l-Ministru Carmelo Abela (9), id-deputat Franco Mercieca (9) u d-deputat Charles Buhagiar (8).  
Il-Prim Ministru semma l-kelma sfiduċja darbtejn filwaqt li l-Kap Nazzjonalista semmiha tliet darbiet.
Id-deputati Nazzjonalisti semmew il-kelma sfiduċja 18-il darba, filwaqt li Marlene Farrugia semmietha darba.
Ħafna drabi l-kliem sfiduċja u fiduċja ntużaw f’kuntesti kuntrarji, biex ixejnu l-bażi tal-argumenti ta’ xulxin.