Pamela Prati se taħdem film fuq l-iskandlu tagħha

Min isegwi l-media Taljana, żgur li fl-aħħar xhur sema’ bil-każ tal-attriċi Pamela Prati, li kienet mistennija tiżżewweġ lil ċertu Mark Caltagirone, persuna li hi qatt ma kienet rat, u li fil-fatt qatt ma’ eżista.

Prati tħallset sew għall-intervisti li tat fuq id-diversi programmi biex titkellem fuq dan il-maħbub immaġinarju tagħha, u dwar is-suppost tieġ li qatt ma sar.

Programmi bħal Live! Non e la D’Urso fuq il-Canale 5, taw ħafna importanza dan l-iskandlu li rriżulta b’ħafna nies jippuntaw il-ħtija fuq xulxin.

Issa qed jingħad li se tkun Pamela Prati stess li se tirkeb fuq din l-istorja hekk kif biħsiebha taħdem film, li skond hi, diġà hemm interess għalih kemm minn Sky, kif ukoll minn Netflix.

L-attriċi ta’ 60 sena sostniet li bħalissa qed iddur l-Italja biex issib il-postijiet li fihom tkun tista’ taħdem dan il-film.

Qed jingħad iżda li għal dan il-film hija mhux se tkun qed tuża l-isem artistiku tagħha ta’ Pamela Prati, iżda l-isem proprju tagħha, li huwa Poala Pirredu.