Palumbo takkwista tarzna f’Savona bi pjanijiet biex tikber

It-Tarzna ta’ Palumbo ħabbret li akkwistat it-Tarzna ta’ Mondomarine f’Savona, li kienet qed tfalli, għal €10 miljun.
Palumbo qalet fi stqarrija li kienet ilha li tefgħet għajnejha fuq din it-tarzna, li tinsab f’pożizzjoni strateġika fit-Tramuntana tal-Italja, u se sservi lil Palumbo biex tkabbar l-operat tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tiswijiet ta’ cruise liners.
It-tarzna rrimarkat li l-akkwist ta’ dit-tarzna huwa parti mill-istrateġija tagħha biex tinfirex fil-Mediterran.
Il-faċilità f’Savona ġiet akkwistata b’self għall-ewwel sitt xhur, qabel ma ssir proprjetà ta’ Palumbo, u għal dawn xhur kien hemm bosta protesti mill-ħaddiema tagħha wara li 57 impjegat tħallew fil-limbu meta seħħet il-likwidazzjoni ta’ Mondomarine is-sena li għaddiet.
Palumbo sostna li meta l-Qorti ddeċidiet fuq il-futur ta’ Mondomarine sabet iċ-ċans u akkwistata, u b’hekk se terġa’ ddaħħal lura wkoll 9 ħaddiema li qabel kienu jaħdmu mal-Mondomarine.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Palumbo, Antonio Palumbo, qal li se jkun hemm ukoll taħditiet mal-unjins tal-ħaddiema f’Mondomarine sabiex jerġa’ jikri s-servizzi ta’ ħafna minnhom ladarba l-akkwist jiġi ffinalizzat.
Qabel ma falliet, Mondomarine kienet magħrufa fl-Italja għall-manifattura tal-jottijiet.
Sadanittant, Palumbo ħolqot kumpanija ġdida Savona Superyachts, li se tkun qed topera minn hemmhekk stess.