Palestina: “M’hemm ebda pjan ieħor ħlief dak b’2 stati” – Guterres

Is-Segretarju Ġenerali tam-Nazzjonijiet Magħquda (UN), Antonio Guterres, enfasizza lbieraħ li m’hemm ebda pjan ieħor ħlief is-soluzzjoni ta’ żewġ stati fil-kunflitt bejn il-Palestina u l-Iżrael.
Guterres qal dan meta ltaqa’ mal-Prim Ministru Palestinjan, Rami Hamdallah, f’Ramallah fix-Xatt tal-Punent.
Huwa enfasizza li l-okkupazzjonijiet Iżraeljani fuq l-art Palestinjana huma ostaklu ewlieni għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati u għall-paċi mal-Palestinjani.
“Żewġ stati, it-tmiem tal-okkupazzjoni u l-ħolqien tal-kundizzjonijie neċessarji biex tintemm is-sofferenza tal-Palestinjani fuq arthom huma l-uniċi toroq li jiggarantixxu l-paċi”, kompla jgħid.
Il-kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-UN huma f’waqthom għax seħħew biss jum wara l-istqarrija kontroversjali tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, li saħaq li l-Iżraeljani mhuma qatt se jiċċaqalqu minn fejn qagħdu.
“Ġejna hawnhekk għal dejjem, fl-art ta’ Iżrael”, enfasizza.
Ftit tal-jiem ilu grupp mill-White House wasal l-Iżrael sabiex jibdew mill-ġdid taħditiet għall-paċi, iżda l-PM Palestinjan qal li jħossu frustrat minħabba li dal-grupp qed jieħu wisq fit-tul u qatt ma wieġeb ċar u tond dwar kif jaħsibha fuq l-okkupazzjonijiet Iżraeljani fil-Palestina u s-soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Skont il-liġi internazzjonali, l-okkupazzjonijiet Iżraeljani fil-Palestina huma illegali.
Fir-ritratt: Is-Seg. Ġen tal-UN (xellug) u l-PM Palestinjan (lemin).