Palazzo Falson iżanżan bejt ekoloġiku ġdid

Vivacity

Read in English.

Dan l-aħħar ġie installat bejt ekoloġiku fuq Palazzo Falson fl-Imdina, f’kollaborazzjoni ġdida bejn il-palazz, l-NGO ambjentali lokali Friends of the Earth Malta, u Vivacity, li qed tiżviluppa l-kunċett tal-bjut ekoloġiċi f’Malta.

It-tlestija tal-bejt il-ġdid ħabtet mal-Jum Dinji tal-Ambjent u l-Jum Dinji tal-Bejt Ekoloġiku li qed jiġu ċċelebrati proprju din il-ġimgħa.

Palazzo Falson huwa diġà magħruf sew għall-kontribut tiegħu lejn it-tradizzjoni antika tal-produzzjoni tal-għasel f’Malta, l-aktar reċenti meta kien taħt idejn l-aħħar residenti tiegħu l-Kaptan Olof Gollcher u martu Nella li kienu magħrufin għall-imħabba tagħhom għat-trobbija tan-naħal u t-tkabbir tal-ħxejjex. Issa l-Palazz se jkun qed jagħmel pass ieħor biex isostni lill-pollinaturi, bis-saħħa ta’ dan il-bejt ekoloġiku ġdid.

Vivacity

“Kulma jmur in-naħal u dakkara oħra qed jiġu mhedda mill-attivitajiet umani,” spjega Martin Galea de Giovanni, Direttur ta’ Friends of the Earth Malta. “In-naħal jgħinu fil-produzzjoni ta’ tliet kwarti mill-iktar ħxejjex vitali madwar id-dinja kollha. Madankollu l-futur tan-naħal xejn mhu sabiħ. Ir-riċerka turi li ġonna f’żoni urbani li jagħtu kas il-pollinaturi jistgħu jipprovdu rifuġju li jaf ikun vitali għalihom u għall-bijodiversità b’mod ġenerali.”

F’imitazzjoni tal-ekosistema Maltija, il-bejt ekoloġiku tal-Palazz ġie ddisinjat bl-użu ta’ pjanti indiġeni fosthom sagħtar, klin, riegnu, margerit selvaġġ u pjanti sukkulenti, biex ikun ta’ sostenn għal aktar minn 100 speċi ta’ naħal selvaġġ li hawn f’Malta, inkluż is-sottospeċi endemika tan-naħla tal-għasel.

Il-bejt ekoloġiku ta’ Palazzo Falson huwa wieħed miż-żewġ ġonna urbani maħsubin għall-pollinaturi li ġew installati f’dan il-proġett ġdid; l-ieħor qiegħed f’Julian Manduca Green Resource Centre fil-Furjana. Dan il-proġett, li kien ukoll parzjalment iffinanzjat mill-Fond SIS amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), jinkludi workshops pjaċevoli u innovattivi għat-tfal, li se jittellgħu f’Palazzo Falson, dwar l-importanza tal-pollinaturi u l-ġonna.

Permezz tal-bejt ekoloġiku li jservi ta’ kenn għad-dakkara, Palazzo Falson intant sar l-ewwel mużew f’Malta li joffri lill-viżitaturi taħlita ta’ wirt storiku, bijodiversità u benesseri soċjali.

Vivacity

“Il-bjut ekoloġiċi huma ta’ benefiċċju b’mod speċjali f’Malta, mhux biss għax jgħinu lin-naħal u ’l-pollinaturi jagħmlu x-xogħol tagħhom, imma għax huma ta’ ġid għas-saħħa mentali tagħna l-umani wkoll, speċjalment f’pajjiż b’popolazzjoni densa bħal tagħna fejn l-ispazji ekoloġiċi huma limitati,” kompliet Vanya Veras, fundatriċi ta’ Vivacity. “Mhux hekk biss: il-bjut ekoloġiċi jservu ta’ iżolanti, għaliex il-pjanti jżommu l-bini frisk fis-sajf filwaqt li jgħinu biex is-sħana tibqa’ ġewwa fix-xitwa. Fl-istess waqt inaqqsu l-għabra u t-tniġġis fl-arja, u dan għaliex il-partikolati jinqabdu fuq il-weraq u fis-sottostrat tal-ekosistema. Ukoll dawn il-bjut inaqqsu l-istorbju, iżidu l-effiċjenza tal-binja fl-użu tal-enerġija, inaqqsu l-għargħar u jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima. F’kelma waħda, f’Malta b’mod partikolari – bejt ekoloġiku fih vantaġġi minn kull lat.”

Aktar informazzjoni dwar Palazzo Falson fl-Imdina, inkluż il-ħinijiet tal-ftuħ tal-mużew, tista’ tinkiseb online. Għal aktar dettalji dwar bjut u ħitan ekoloġiċi f’Malta żur www.viva-city.com, filwaqt li l-importanza tan-naħal u l-pollinaturi hi mistħarrġa minn Friends of the Earth Malta fuq www.foemalta.org/beecause jew www.foemalta.org/beesaver.