Pakistani rrifjutati viżas biex jattendu għal-Laqgħa tal-Familji fl-Irlanda

Familji mill-Pakistan li kienu rifjutati visa biex jidħlu fl-Irlanda

L-applikazzjonijiet ta’ diversi membri tal-kleru kienu rrifjutati. Biex tipparteċipa fil-Laqgħa trid ittra ta’ rakkommandazzjoni mingħand il-Kardinal Joseph Coutts li jiggarantixxi li min qed japplika għall-viża ma kienx se jfittex ażil f-Ewropa. Il-konsulat Irlandiż f’Karachi qal li d-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq iċ-ċirkostanzi tal-familja tal-applikant, is-sitwazzjoni ekonomika u l-kundizzjonijiet soċali tal-applikant għall-visa.

Dan wassal biex l-Irlanda ċaħħdet il-viża lil eluf ta’ Pakistani Nsara li xtaqu jattendu għall-Kungress Mondjali tal-Familji li se jsir f’Dublin aktar tard dan ix-xahar.

Il-konulati Irlandiżi f’Karachi u Islamabad kellhom madwar 10,000 applikazzjoni minn familji li xtaqu viża biex ikunu jistgħu jidħlu l-Irlanda. 600 minnhom kienu ġejjin mid-djoċesi ta’ Karachi. L-applikazzjonijiet kollha kienu miċħuda, inklużi dawk ta’ saċerdoti.

Fr Anthony Abraz, il-Kappillan tal-Knija tal-Buon Pastur f’Karachi qal li fil-każ ta’ ħafna familji, l-uffiċjali tal-viża qalu li “ma kienx hemm x’juri li min applika kellu biżżejjed irbit familjari, soċjali jew ekonomiku li jorbtuh li jirritorna lura fil-Pakistan wara li jidħol fl-Irlanda.” Il-kappillan innifsu ċċaħditlu l-viża għax fl-imgħoddi ma kienx ħa sehem f’avvenimenti simili.

L-awtoritajiet tal-Knisja fil-Pakistan kienu eżaminaw lil dawk kollha li xtaqu jattendu u l-Kardinal Coutts ħareġ ittri ta’ rakkommandazjoni lil dawk biss li ma kinux interessati li jfittxu ażil fl-Irlanda. Ħafna Nsara jinsabu rrabjati għal kif ġraw l-affarijiet.

Samuel Sarfraz, li jaħdem f’kumpanija tal-farmaċewtika, biegħ biċċa art biex ġabar $420 biex applika għal viża għall-familja tiegħu ta’ tliet persuni biex jattendi għal-laqgħa fl-Irlanda. L-applikazzjoni kienet miċħuda u l-flus li ħallas ma ngħatawlux lura.

“Dan hu kumplott biex jisirqu l-flus mingħand persuni li diġà huma emarġinati u diskriminati f’pajjiż b’maġġoranza Musulmana. Jekk il-linja tal-Gvern Irlandiż kienet li jiċħad il-viża lill-Pakistani kollha, ma messux aċċetta applikazzjonijiet bil-ħlas li ma jingħatax lura.”