Pakistan: Gżira ġdida titla’ mill-baħar wara theżżiża ta’ terremot

It-terremot qawwi li lbieraħ farrak il-provinċja pakistana tal-Baluchistan qatel minn tal-inqas 208 persuni u ħalla aktar minn 350 persuna mweġġa’.

Skont uffiċċjal tal-gvern, id-distanza twila u l-istat ħażin tat-toroq fil-Pakistan qed ifixklu u jdewmu l-ħidma ta’ salvataġġ.

It-theżżiża nħaset saħansitra mill-kapitali Indjana New Delhi, li tinsab mijiet ta' kilometri 'l bogħod.  Fuq l-iskala Richter it-terremot kejjel qawwa ta' 7.8.

Skont uffiċjal tal-gvern Pakistani, kawża tat-theżżiża, fiż-żona ta’ Awaram, fejn ġie rreġistrat l-epiċentru tat-terremot, iġġarrfu 30% tad-djar kollha. 

It-terremot tant kemm kien qawwi li saħansitra wassal biex medda ta’ art ta’ kważi disa’ metri spontat mill-baħar Għarbi daqslikieku kienet muntanja żgħira.  Folla kbira ta’ nies inġabret max-xatt ta’ Gwadar biex tara dan il-fenomenu naturali.

Il-gżira l-ġdida għandha dijametru ta’ kważi 30 metru u tinsab mil ’il barra mill-xatt.