“Malta qed iċċaħħad tfal fostered mid-drittijiet tagħhom”

Tfal fis-sistema lokali tal-fostering qed jiġi mċaħħda minn bosta drittijiet, skont l-Assoċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care.
Dan qaluh fi stqarrija fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali tal-ħarsien tat-tfal.
L-assoċjazzjoni spjegat kif dawn it-tfal mhux qed jingħataw l-opportunità jkunu addottati u jgħixu ġo familja li tirrispettahom wara li jkunu sofrew minn abbuż mill-familja bijoloġika tagħhom.
Sostniet li mhux qed jingħataw is-servizzi terapewtiċi speċifiċi li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jirkupraw il-ħsara li saritilhom tort tal-abbuż li sofrew fil-familji bijoloġiċi tagħhom.
Irrimarkat kif hemm bosta minnhom li twieldu Malta u qed jgħixu ma’ familji Maltin iżda qed jiġu mċaħħda miċ-ċittadinanza Maltija.
L-assoċjazzjoni semmiet kif dawn it-tfal mhux qed jitħallew isemmgħu leħinhom meta jittieħdu deċiżjonijiet dwarhom, speċjalment meta dawn jistgħu jaffettwawlhom ħajjithom.
Fl-istqarrija, l-assoċjazzjoni nsistiet li hemm bżonn li tfal li jkunu sofrew abbuż jingħataw għajnuna immedjata u jinstab mod kif il-ħsara li tkun qed issir lit-tfal ma tkunx waħda irreparabbli.
Dan sostniet li jsir b’investiment fit-tul li jissielet sabiex jiżdiedu l-professjonisti u s-servizzi terapewtiċi għal tfal vulnerabbli jew li sofrew abbuż, kif ukoll billi jinqatgħu l-listi ta’ stennija biex it-tfal jirċievu s-servizzi li jkollhom bżonn.
L-assoċjazzjoni temmet l-istqarrija b’appell lill-Gvern biex b’mod immedjat jitkompla x-xogħol fuq il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal u jkun assigurat li din il-liġi tpoġġi l-ewwel u qabel kollox id-drittijiet tat-tfal illi hija intenzjonata li tipproteġi.