Pajjiżna għandu jitmexxa minn politiċi tajba u veri – Isqfijiet fil-Perù

L-Isqfijiet tal-Peru f'laqgħa mal-Papa Franġisku

Fid-dawl tas-sitwazzjoni mwiegħra tal-kriżi morali fil-Perù minħabba l-korruzzjoni fis-sistema ġudizzjarja, l-Isqfijiet tal-Perù f’laqgħa tal-Konferenza Episkopali ppubblikaw messaġġ lill-poplu b’invit biex iġeddu t-tama, filwaqt li enfasizzaw xi aspetti ta’ din il-kriżi u għamlu suġġerimenti kif dawn jistgħu jkunu megħluba.

“Aħna qed insofru minn korruzzjoni politika, ġudizzjarja, ekonomika u soċjali għax spiċċat l-etika billi abbandunajna l-ideali nsara u ddeformajna u llupjajna l-kuxjenzi. Għalhekk qed nitolbu lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex jagħmlu eżami tal-kuxjenza sinċier biex jgħinhom jaħdmu fl-oqsma tagħhom fir-rispett tal-verità u t-trasparenzi u ċ-ċaħda tal-korruzzjoni. Ilkoll aħna msejħa għal din il-konverżjoni”, jgħid il-messaġġ tal-Isqfijiet.

L-Isqfijiet għamlu sejħa biex il-korruzzjoni tkun miġġielda b’mod deċiżiv: “Il-Peruvjani kollha għandhom ikunu konxji tal-ħtieġa li ningħaqdu u niffaċċjaw bis-serjetà l-korruzzjoni li qed issir fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja”.

Huma għamlu wkoll numru ta’ riflessjonijiet serji fuq l-elezzjonijiet li dalwaqt isiru fil-pajjiż.

“Fl-elezzjonijiet reġjonali u muniċipali tas-7 ta’ Ottubru, infakkru li l-Knisja tapprezza s-sistema demokratika sakemm din tassigura l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet politiċi u tiggarantixxi l-possibbiltà li dawn jeleġġu u jikkontrollaw lill-mexxejja tagħhom jew jibdluhom b’mod paċifiku. Pajjiżna jrid jitmexxa minn politiċi tajbin u veri u għalhekk nistednukom biex tikkunsidraw serjament u skont il-valuri nsara, il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika”.

Fl-aħħarnett fil-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet Peruvjani esprimew il-fehma li l-emigranti mill-Veneżwela għandhom ikunu trattati b’mod uman u nisrani.

Għal dak li jirrigwarda l-abbużi deplorevoli fil-Knisja l-Isqfijiet semmew l-ittra li l-Papa Franġisku bagħat lill-Poplu t’Alla fejn qal: “Jien konxju mill-isforzi u l-ħidma li qed issir f’diversi partijiet tad-dinja biex ikun hemm il-mezzi meħtieġa biex nassiguraw il-protezzjoni u l-integrità tat-tfal u l-adulti vulnerabbli u nimplimentaw politika ta’ “tolleranza zero” filwaqt li nagħmlu kontabbli lil dawk li jwettqu dawn l-atti kriminali jew jaħbuhom”.