Pajjiżi Musulmani jħeġġu stati oħra biex jirrikonoxxu l-Istat Palestinjan

Il-mexxejja ta’ 57 pajjiż Musulman ħeġġew lill-kumplament tal-pajjiżi biex jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina u lil-Lvant ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali tiegħu.
Kommunikazzjoni mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Iżlamika ddikjarat id-deċiżjoni ta’ Donald Trump li jiddikjara lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael bħala “nulla u ma torbotx.”
Kompliet tgħid li d-dikjarazzjoni ta’ Trump tfisser li l-Istati Uniti ma jistax iżomm l-irwol kruċjali li kien jilgħab fil-proċess għall-paċi fil-Lvant Nofsani.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, stqarrija maħruġa minn 22 pajjiż, fosthom ħbieb tal-Istati Uniti, qalet li minn issa ’l quddiem l-Istati Uniti ma tistax tibqa’ tittieħed bis-serjetà meta titkellem fuq il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, qal li n-Nazzjonijiet Magħquda għandha tieħu post l-Istati Uniti
Saħaq li l-Amerka ma tistax iżżomm postha bħala medjatur ġaladarba wriet li qed tiffavorixxi lill-Iżrael.
Id-dikjarazzjoni tal-President Donald Trump qajmet kontroversja internazzjonali u waslet għal tensjoni akbar bejn l-Iżrael u l-Palestina.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li l-Gvern ma jaqbilx li l-Ambaxxata Amerikana timxi minn Tel Aviv għal Ġerusalemm, u lanqas li Ġerusalemm tkun rikonoxxuta bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Anki l-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-President Amerikan, u sejjaħ id-deċiżjoni tiegħu bħala waħda fid-direzzjoni żbaljata u li se xxekkel il-proċessi għall-paċi fir-reġjun.