“Pajjiżi mhuwiex normali, imma se nibdlu”

Il-Prinċep tal-Arabja Sawdija u eredi tat-tron, Mohammed bin Salman, ħalef li la jkun hu r-Re jirritorna lill-pajjiż għall-Iżlam moderat, u qal li pajjiżu ilu mhux normali għal dawn l-aħħar 30 sena.
F’intervista ma’ The Guardian, il-prinċep talab sabiex il-pajjiż jiġi mwieżen globalment sabiex jinfetaħ aktar u jagħti aktar qawwa liċ-ċittadini tiegħu, u finalment jattira l-investiment.
Kompla jirrimarka li f’dawn l-aħħar snin, l-Arabja Sawdija tmexxiet minn duttrina riġida li kienet riżultat ta’ reazzjoni għar-rivoluzzjoni Iranjana, u qal li l-mexxejja tal-pajjiż minn dir-rivoluzzjoni ’l hawn mka kinux kapaċi jindirizzawha.
Enfasizza li mir-rivoluzzjoni Iranjana, li seħħet fl-1979 meta l-Iran sar repubblika Iżlamika, l-Arabja Sawdija kienet fost il-pajjiż fil-Lvant Nofsani li riedu jikkupjaw lill-Iran, iżda, skont il-prinċep, ma kien kapaċi qatt jikkuppjaha, u issa wasal iż-żmien li jwarrabha.
Waqt konferenza dwar investiment massiċċ ta’ $500 biljun, li se jifrex in-negozju fuq medda wiesgħa ta’ art bejn il-pajjiż, il-Ġordan u l-Eġittu, il-Prinċep Mohammed qal li l-pajjiż għandu waħda mill-aqwa ekonomiji tad-dinja, anki parti mill-G20, kif ukoll jinsab fil-qalba ta’ 3 kontinenti. Hu għalhekk li qal li jemmen li jekk il-pajjiż ikun aħjar, itejjeb ir-reġjun, u konsegwentament itejjeb id-dinja.
“Qed nipprova sempliċiment li nreġġa’ lura lill-pajjiż għall-Iżlam moderat, u niftħuh għad-dinja. Aktar minn 70% tan-nies fil-pajjiż għandhom inqas minn 30 sena, u mhux se naħlu xi 30 sena oħra niġġieldu lill-forzi estremisti fil-pajjiż. Wasal iż-żmien li neqirduhom, u dan irid isir issa”, temm jgħid il-Prinċep Mohamed bin Salman.