Pajjiżi li ma joffrux ażil lill-immigranti se jibqgħu bla fondi – UE

Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li jirrifjutaw li jirrilokaw applikanti għall-ażil se jitnaqqsilhom l-aċċess għall-fondi tal-UE, jekk jgħaddi abbozz ta’ liġi mressaq mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili fil-Parlament Ewropew il-Ħamis li għadda.
Permezz ta’ dan ir-regolament ġdid, l-ewwel pajjiż fejn jaslu l-applikanti għall-ażil mhux se jibqa’ responsabbli għalihom, hekk kif jirrikjedi r-regolament ta’ Dublin bħalissa.
Dan se jsir bl-għan li stati membri li jinsabu “fuq l-ewwel fruntiera” ma jibqgħux jerfgħu il-piż sproporzjonat tal-obbligi Ewropej li jipproteġu persuni fil-bżonn, u sabiex jiġu mħeffa l-proċeduri ta’ ażil.
Minflok, ir-responsabbiltà ta’ l-applikanti għall-ażil se tiġi assenjata lil Stat Membru li l-applikanti jkollhom “konnessjoni ġenwina” magħha, bħalma hi l-familja, ir-residenza preċedenti jew studji.
Jekk l-ebda konnessjoni ma teżisti, l-applikanti għall-ażil jiġu assenjati awtomatikament lil Stat Membru tal-UE skont gwida għat-tqassim fissa, malli jiġu rreġistrati, u wara l-kontrolli ta’ sigurtà u valutazzjoni tal-eliġibbiltà tagħhom jiġu aċċettati.
L-abbozz ġie approvat, u se jitressaq mill-Parlament Ewropew biex jibdew taħdidiet mal-istati membri fil-Kunsill.