Pajjiżi jnaqqsu l-irziezet tal-ħut, Malta bil-kontra – PD

Il-Partit Demokratiku (PD), fi stqarrija qal li ż-żieda fil-gaġeġ tat-tonn tmur kontra s-sostenibbiltà ambjentali marittima. Pajjiżi oħra qed ifittxu li jnaqqsu l-akwakultura filwaqt li f’Malta qed inkomplu ninvestu f’dan il-qasam.

Il-PD oġġezzjona mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-applikazzjoni ta’ permessi biex jirdoppja l-ammont ta’gaġġeġ tat-tonn f’razzett li qiegħed fuq is-Sikka l-Bajda. Il-Partit qed jinsisti li l-applikazzjoni għandha tkun proċessata skont l-Istrateġija tal-Akwakultura għall-Gżejjer Maltin, Lejn is-Sostenibbiltà 2014-2025.

Il-PD qal ukoll li huwa favur l-għajnuna għall-industrija tal-akwakultura, iżda jinsistu li d-dipartiment tas-sajd u l-akwakultura għandu jintroduċi regolamenti aktar stretti u jikkonsolida aktar is-sitwazzjoni preżenti tal-fish-farming.