Pajjiżi Ewropej se jwaqqfu titjiriet mill-Ingilterra minħabba varjant tal-Covid-19

Read in English.

Fl-aħħar sigħat numru ta’ pajjiżi ewropej daħlu restrizzjonijiet għall-vjaġġar mir-Renju Unit. Dawn ir-restrizzjonijiet qegħdin jidħlu fis-seħħ wara li l-virus tal-varjant tal-Covid-19 qed jinxtered bla kontroll.

Franza flimkien mal-Irlanda, l-Olanda, il-Bleġju u l-Italja huma fost il-pajjiżi li daħlu restrizzjonijiet ta’ vjaġġar. Spanja min-naħa l-oħra talbet jkun hemm rispons kordinat mill-Unjoni Ewropea.

Kelliem għall-Gvern Franċiż qal li Franza se tkun qiegħda twaqqaf kull tip ta’ vjaġġar lejn l-Ingilterra f’nofsillejl għal 48 siegħa.

Ir-restrizzjonijiet fl-Irlanda se jinkludu twaqqif ta’ vjaġġar bl-ajru kif ukoll mill-baħar għall-48 siegħa. Madankollu din id-deċiżjoni se terġa’ tkun diskussa fil-kabinett it-Tlieta.

L-Olanda waqqfet it-titjiriet mir-Renju Unit sal-aħħar tas-sena.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Luigi Di Maio ħabbar li se jkunu qed jiġu imposti diversi restrizzjonijiet. Filwaqt li l-Prim Ministru tal-Belġju se jkun qed iwaqqaf l-ivjaġġar għall-24 siegħa sakemm tkun analizzata s-sitwazzjoni.

Il-Bulgarija se tkun qed tissospendi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit sal-31 ta’ Jannar f’12am.

L-Awstrija u r-Repubblika Ċeka se timponi miżuri ġodda għal titjiriet mir-Renju Unit filwaqt li Praga ħabbret li persuni li għamlu minn tal-inqas 24 siegħa fir-Renju Unit iridu jiżolaw lilhom innifishom.