Pajjiżi Ewropej jaffaċċjaw nuqqas tal-mediċina għall-COVID-19

REUTERS/Amr Abdallah Dalsh/File Photo

Pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ mediċina għall-COVID-19 tat-tip Remdesivir minħabba li l-provvisti limitati qed jispiċċaw. Dan qaluh uffiċjali, kemm minħabba li l-każijiet dejjem jiżdiedu kif ukoll minħabba li l-Istati Uniti xtraw il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni mingħand Gilead, il-produttur tal-mediċina.

L-Uffiċjal Kap Kummerċjali ta’ Gilead Johanna Mercier qalet li l-kumpanija tistenna sal-ġimgħa d-dieħla li tkun f’pożizzjoni li tissodisfa l-ordnijiet li ġejjin mill-Ewropa u sal-aħħar ta’ Ottubru tkun tista’ tissodisfa d-domanda globali għal Remdesivir, u f’ħin reali.

Qalet li l-kumpanija qed taħdem mar-regolaturi tal-UE sabiex Remdesivir tkun tista’ titqassam b’mod iktar wiesa’, u mingħajr il-bżonn li kull darba jkun hemm proċess ta’ reviżjoni ekonomika pajjiż b’pajjiż – ħaġa tipikament meħtieġa qabel ma prodott farmaċewtiku jkun jista’ jinbigħ fl-Ewropa.

F’Lulju, is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, b’popolazzjoni kkombinata ta’ 500 miljun, assiguraw dożi biex jikkuraw madwar 30,000 pazjent. L-Istati Uniti ffirmaw ftehim għal aktar minn 500,000 kors ta’ trattament, li jammontaw għal ħafna mill-produzzjoni ta’ Gilead sa Settembru.

“Remdesivir spiċċa,” qal il-kelliem tal-Ministeru tas-Saħħa Olandiż Martijn Janssea, iżda madankollu żied jgħid li dalwaqt kienu mistennija konsenji ġodda.

“Irridu niżguraw mhux biss li hemm biżżejjed provvista biex ngħaddu, imma aktar importanti minn hekk, li kulħadd madwar l-Ewropa jkollu aċċess għaliha,” qal Mercier f’isem Gilead waqt intervista bit-telefon.

Intwera li l-mediċina antivirali tqassar il-ħin ta’ rkupru fl-isptar f’każijiet severi ta’ COVID-19. Remdesivir u l-isterojdi dexamethasone huma l-uniċi mediċini awtorizzati fl-Ewropa biex jikkuraw il-COVID-19. It-tnejn ingħataw lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li qed jirċievi wkoll cocktail esperimentali ta’ antikorpi.

Madwar l-Ewropa, ir-rata ta’ nies li qed tmur l-isptar qed tiżdied malajr, għalkemm f’ħafna pajjiżi il-livell ta’ dawn, għadu ferm taħt il-livelli li kien fir-Rebbiegħa.

“Minħabba ż-żieda fl-ammissjonijiet fl-isptar, id-domanda għar-Remdesivir qed tiżdied malajr,” qal il-kelliem Olandiż.

Il-ministru tas-saħħa tal-Polonja Adam Niedzielski qal nhar it-Tlieta li d-droga kienet nieqsa f’xi sptarijiet. L-aħħar kunsenja ordnata mill-UE waslet propju nhar il-Ġimgħa li għadda.

Spanja, li għandha l-ogħla rata ta’ infezzjoni fl-Ewropa, esperjenzat nuqqasijiet fl-aħħar ta’ Awwissu, qalet l-aġenzija tal-mediċina tagħha. Issa għandha dożi biżżejjed biex tissodisfa l-bżonnijiet għall-ġimgħat li ġejjin, qal il-ministeru tas-saħħa nhar it-Tlieta.

Il-Gran Brittanja, li ngħaqdet mal-akkwist tal-UE għal Remdesivir, razzjonat il-provvista tagħha, u pprijoritizzat il-pazjenti tal-COVID-19 li l-aktar għandhom bżonnha, qal il-ministeru tas-saħħa.

Dawn in-nuqqasijiet x’aktarx iqanqlu dibattitu dwar id-disponibbiltà u l-prezz ta’ mediċini li qed jintużaw biex itaffu s-sintomi tal-COVID-19. Filwaqt li d-Dexamethasone, li hija mediċina ġenerika, hija disponibbli b’mod wiesa’ u hija rħisa, ir-Remdesivir huwa protett mill-patent ta’ Gilead.

Il-kumpanija stabbilixxiet prezz ta’ $2,340 għal kull pazjent fil-pajjiżi l-aktar sinjuri. Tgħid li tat ukoll trattamenti għar-riċerka u biex tikkura mijiet ta’ eluf ta’ pazjenti madwar id-dinja.

Provvisti ġodda

Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea, li tinnegozja ftehim ta’ provvisti mediċi f’isem il-pajjiżi ta’ l-UE matul il-pandemija, ma kienx disponibbli immedjatament għal kumment dwar dan in-nuqqas.

L-eżekuttiv tal-UE qed jiddiskuti ma’ Gilead ftehim ġdid ta’ provvista, maħsub li jkun siġillat lejn il-bidu ta’ Ottubru “biex tevita nuqqas ieħor fil-konsenja,” qal uffiċjal tal-Kummissjoni lill-esperti tas-saħħa mill-gvernijiet ta’ l-UE f’laqgħa f’nofs Settembru.

Il-provvisti żgurati s’issa mill-UE suppost kellhom ikunu biżżejjed biex jaqdu l-ħtiġijiet sal-aħħar ta’ Settembru. Diversi uffiċjali qalu li dalwaqt mistennija konsenji ġodda.

Gilead kabbret il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha. Il-ġimgħa li għaddiet qalet li kienet qed tissodisfa d-domanda tal-Istati Uniti u mistennija tkopri l-bżonnijiet globali f’Ottubru, anke f’każ li jkun hemm żieda ta’ każijiet tal-COVID-19.

Id-dożi disponibbli fl-UE s’issa ġew maqsuma skont in-numru ta’ każijiet u r-rati ta’ nies rikoverati fl-isptar. Iżda mhux l-istati kollha tal-UE qed jaffaċċjaw nuqqasijiet. Il-ministeru tas-saħħa tal-Ġermanja qal li l-ħażniet ta’ Remdesivir s’issa huma biżżejjed għax-xhur li ġejjin.