“Pajjiż ħanin li jħalli lil kulħadd fil-libertà” – Abela

Read in English.

Malta għandu jkun pajjiż li jħalli lil kulħadd fil-libertà tiegħu. Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela fid-diskors tiegħu waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista.

Id-diskors tiegħu tal-lum kien iddominat mill-kisbiet tal-Partit Laburista matul l-aħħar snin, kif ukoll dak li għamel il-partit fil-100 sena li ilu jeżisti.

Abela spjega li l-Partit Laburista, matul l-aħħar 100 sena, ta s-sehem tiegħu biex tinkiteb l-istorja tal-pajjiż. Qal li llum, il-Partit Laburista qed ikompli jissaħħaħ biex jgħin lil min hu l-aktar fil-bżonn, iż-żgħir u lill-batut, se jkompli joħloq ix-xogħol u jsebbaħ lil Malta u lil Għawdex. Abela rrimarka li biex wieħed ikun jaf fejn sejjer, irid ikun jaf minn fejn telaq. Spjega kif matul is-snin, inħolqot forza politika li ħadnet il-prinċipju tal-ġustizzja u l-mobilità soċjali. Spjega kif kien il-PL li daħħal fil-pajjiż il-pensjonijiet, il-paga minima nazzjonali, iċ-children’s allowance.

“Ma tagħmilx żbalji jekk ma taħdimx”

Abela sostna li l-unika mod kif wieħed ma jagħmilx żbalji huwa li ma jaħdimx. Qal iżda li jekk jinqabżu ċertu linji kulħadd jaf x’se jkunu l-konsegwenzi. Qal li t-tmexxija kurrenti hija waħda li se tiżgura li “kull ma ġara ma jerġax jirrepeti ruħu”. Qal li l-Governanza Tajba se tibqa’ prijorità għall-Gvern biex l-iżbalji li saru ma jerġgħux isiru. Qal li kien għalhekk li meta beda l-ħidma tiegħu il-kabinett il-ġdid twaqqaf kumitat dwar il-Governanza Tajba. Qal li l-bidliet li qed isiru qed jiġu rikonoxxuti barra minn Malta.

Hu u jitkellem dwar il-Partit Nazzjonalista, Abela sostna li l-pajjiż jixraqlu oppożizzjoni b’saħħitha. Qal li għalhekk il-partit ma jieħux gost bil-problemi li hemm fi ħdan il-partit. Qal li din hija xewqa li “se jdum biex jaqtagħha”.

“Grazzi wkoll lilek Joseph”

Abela rringrazzja lill-mexxejja kollha li kellu l-Partit Laburista matul is-snin fejn fost il-mexxejja rringrazzja wkoll lil Joseph Muscat, l-eks-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista. Dan irreżenja aktar kmieni din is-sena wara kontroversja sħiħa li qamet dwar persuni viċin il-Gvern b’allegazzjonijiet ta’ involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fost allegazzjonijiet oħra. Abela kompla billi għamel diversi referenzi lejn l-islogans li uża l-Partit Laburista matul is-snin.