Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li Malta saret pajjiz fejn jirrenja t-terrur u li n-nies jinsabu f’periklu.
Delia kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament fejn reġa’ sejjaħ għar-riżenja tal-Prim Ministru, tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija.
L-avukat Delia spjega kif l-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex jiggarantixxu d-demokrazija, issa qed jagħtu l-konfort lil ħafna kriminali.
Saħaq li l-Gvern herra l pedament tas-sisien ta’ pajjiz demoratiku, pajjiż li Delia sejjaħlu bħala wieħed li mhuwiex normali.
Qal li dan l-aħħar assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienx qtil komuni imma kien qtil tal-libertà tal-espressjoni.
Adrian Delia qal li l-Maltin iridu jieħdu f’idejhom il-ġustizzja u li dan irid isir billi kull persuna tqum u tkun bastun tal-libertà f’Malta. Qal li l-pajjiż kien ħaseb li spiċċa dak iż-żmien li fih in-nies kellhom joħorġu fit-toroq biex jiddefendu l-libertajiet bażiċi. Żied jgħid li s-sitwazzjoni kurrenti tirrekjedi għal protesti fit-toroq biex jirbaħ is-sewwa.
Dwar jekk iqisx lil Caruana Galizia bħala “biċċa blogger”, kif kien qed jirreferi għaliha ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kap tal-PN wieġeb li irrispettivament jekk din kinitx blogger jew ġurnalista, hija kienet persuna umana. Qal li filwaqt li f’dan il-pajjiż mhux bilfors li jkun hemm ftehim il-ħin kollu, saħaq li r-remedju mhuwiex li tisplodi lin-nies fit-toroq.
Ritratt: PN