Pajjiż agħar jekk nipproteġu lill-kriminali – Il-Ministru Bartolo

Read in English.

Fuq post fuq Facebook il-Ħadd filgħodu, il-Ministru Evarist Bartolo kiteb li l-pajjiż qiegħed f’salib it-toroq. Huwa kiteb li l-pajjiż ikun “agħar jekk nipproteġu l-kriminali tal-qtil u ħasil tal-flus u delitti oħra; pajjiż aħjar jekk issir gustizzja ma’ kulhadd bla biża jew favuri.”

Huwa kompla jikteb li “kwazi 100 sena ilu nies onesti u li jħobbu lill-pajjiżna ħadmu biex jitwieled il-Partit Laburista għax riedu soċjetà ġusta: mhux biss fi tqassim aħjar tal-ġid iżda wkoll fil-ħarsien tal-liġi, li kulhadd ikun indaqs quddiem il-liħi u mhux nies tal-flus jew tal-poter ma jkun jista’ għalihom ħadd.”

Il-post tal-Ministru Bartolo għandha sinifikat akbar għax qed jiktibha l-għada li l-Pulizija sejħu fil-Kwartieri Ġenerali tagħhom lill-Ministru Chris Cardona għall-mistoqsijiet.

F’dawn il-ġranet il-Ministru Bartolo kellu post ieħor interessanti ħafna:

“Il-jum it-tajjeb.

“Biex ninqalghu minn fejn ninsabu u nibdew paġna ġdida, hemm bżonn isiru magħrufa l-fatti kollha u r-responsabbiltajiet ta’ dawk kollha mdaħħla fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex issir gustizzja, bla biża’ jew favuri.”

Meta kien faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, il-Ministru Bartolo kien qal li l-Ministru Konrad Mizzi għandu jirreżenja għax inkella fil-pajjiż ikollna liġi għall-allat u oħra għall-bhejjem.