Paga ta’ €150 fix-xahar għall-priġunieri li jaħdmu – Camilleri

Il-priġunieri li jaħdmu xogħol manwali waqt li qed jiskontaw is-sentenza tagħhom jaqilgħu €150 paga fix-xahar. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari.

Il-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia staqsa lill-Ministru dwar kemm qed jiġu rimunerati l-priġunieri għax-xogħol tagħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Hu staqsa wkoll kemm minn din il-paga qed tiġi allokata lill-familji tagħhom u kemm minnha qed titħalla bħala kumpens għall-vittmi ta’ delitt.

Il-Ministru Camilleri qal li l-paga li qed tingħata lill-priġunieri llum tikkuntrasta bil-kbir mal-paga li kienu jaqilgħu qabel, li kienet ta’ €18.64 fix-xahar. Spjega wkoll li r-remunerazzjoni tidħol fil-kont tal-priġunier.