Paga Minima: Min jgħid biżżejjed u min jgħid ftit

Minkejja li kemm il-Caritas Malta, il-General Workers’ Union u l-Unjin Ħaddiema Maqgħudin – Voice of the Workers laqgħu l-aħbar taż-żieda fil-paga minima, din id-deċiżjoni ġabet diversi reazzjonijiet.
Id-Direttur tal-Caritas Malta Leonid Mckay  qal li żieda fil-paga minima, li se tiżdied bi €8 fil-ġimgħa sal-2019,hija ċaqlieqa fid-direzzjoni t-tajba iżda mhux biżżejjed.
Waqt il-programm Follow Up, li jixxandar kuljum fuq l-RTK fl-4.30pm, Leonid Mckay qal li l-Caritas temmen li ekonomija b’saħħitha titlob li jkollha aġenda soċjali u li l-paga minima għandha tirrifletti l-bżonnijiet tal-familji.
Huwa fakkar li l-Caritas kienet ilha titkellem fuq żieda fil-paga minima mill-2012, imma dakinhar il-proposta kienet inlaqgħet b’xettiċiżmu.
Żied jgħid li s-sena l-oħra Caritas kienet reġgħet appellat għal żieda fil-paga minima. ta’ 11% fuq medda ta’ tliet snin. Liema suġġeriment kien mtenni wkoll mill-Kampanja Paga Minima Diċenti.
GWU u UĦM fehmiet diffenti
Minkejja li fuq naħa l-GWU esprimiet kummenti pożittivi, il-UĦM uriet diżappunt għal mod ta’ kif il-Gvern mexa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella qal li l-attitudni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jew jintlaħaq ftehim bejn l-imsieħba soċjali fuq il-paga minima jew imexxi hu xekklet id-diskussjonijiet u tefgħet il-biża’ fost min iħaddem.
Josef Vella qal li l-paga minima ma tistax tiżdied għax sempliċiment politiku jiddeċiedi hekk għax dan joħloq biża’.
Żied jgħid li lil hinn miż-żieda fil-paga minima, sabiex tinħoloq aktar sigurtà lill-ħaddiema, il-kuntratti tax-xogħol għandhom jiġu rreġistrati online sabiex jinqatgħu l-abbużi.
Is-Segretarju tal-GWU, Josef Bugeja qal li huwa kuntent li nħoloq ftehim biex tiżdied il-paga minima u li nħolqot kummissjoni biex tevalwa u tistudja l-pagi.
Qal li huwa kuntent ukoll bil-klawsola li persuna bil-paga minima ma tistax tibqa’ b’dik il-paga aktar minn sena u li l-impjegat ma jistax jaqbad ikeċċi ħaddiem bil-paga minima, sakemm ma jkollux raġuni valida.