Filmat: “Paga minima għal sena biss fl-istess kumpanija” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li persuna bil-paga minima ma tistax tibqa’ b’dik il-paga aktar minn sena mal-istess kumpanija.

Qabel l-iffirmar ta’ ftehim għal żieda fil-paga minima, li se tiżdied bi €8 fil-ġimgħa sal-2019, Dr Muscat irrikonoxxa li jista’ jkun hemm xi abbużi minn xi waħdiet li jivvintaw mekkaniżmu legali biex iduru ma’ dan il-ftehim. Dr Muscat qal li ż-żieda fil-paga minima mhux se tkun taxxabbli.
Żied jgħid li fadal ħafna xogħol xi jsir, fosthom fil-qasam tal-kera. Innota r-reazzjoni tal-Kampanja Paga Minima Diċenti u qal li jridu jsiru aktar diskussjonijiet dwar il-paga minima.
Spjega wkoll li lil hinn miż-żieda fil-paga minima se jkun hemm kummissjoni magħmula minn rappreżentanti tal-MCESD biex kull erba’ snin tagħti pariri lill-Gvern fuq il-paga minima.
Appella lill-unjins biex jieħdu interess fil-ħaddiema li mhumiex f’unjin u qal li hu dover tagħhom u tal-Gvern biex jaraw li dawn in-nies ma jkunux abbużati.
Dr Muscat qal li l-Gvern ried li jibni ekonomija b’saħħitha sabiex ikollu pedament sod biex ikun jista’ jqassam il-ġid.
"L-ewwel pass imma mhux biżżejjed" – Simon Busuttil
Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li jirrikonoxxi din iż-żieda, iżda qal li mhix biżżejjed u jemmen li dan huwa l-ewwel pass sabiex tkompli tiżdied u tirrifletti b’mod aħjar u ġust il-valur tax-xogħol li jagħtu l-ħaddiema.
Dr Busuttil qal li dan il-ftehim intlaħaq bejn l-imsieħba soċjali waħedhom mingħajar ħadd ma ġibdilhom l-ispaga.
Qal li Gvern immexxi minnu jirrispetta dan il-ftehim u jara li jiġi mwettaq.
Żied jgħid li minn studju ppublikat f’The Economist mill-Gvern ħareġ li l-paga ta’ eluf ta’ ħaddiema taħt ftehim kolletttiv mhux tiżdied biżżejjed biex tpatti għall-għoli tal-ħajja.  Żied jgħid li jekk dawn il-ħaddiema mhux jiżdiedu, aħseb u ara kemm qed jiżdiedu l-ħaddiema bil-paga minima.
Temm jgħid li ż-żidiet żgħar li ta l-Gvern ma kinux biżżejjed u saħaq li l-aktar importanti milli jinħoloq il-ġid, huwa li dan il-ġid jitgawda minn kulħadd biex l-ekonomija tal-pajjiż tkun tan-nies.