“Paċi xbin, strieħ fis-sliem” – Isellmu lis-Superjur tal-Mellieħa

Nhar it-Tlieta 23 ta’ Lulju se tingħata l-aħħar tislima lis-Superjur tal-Mellieħa Alfred Borg, fil-Bażilika ta’ Sant Elena f’Birkirkara.

Dan ġie mħabbar mill-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar, hekk kif b’sogħba kbira tella’ post fuq Facebook jirringrazzja lil Alfred tas-snin kollha ta’ servizz fi ħdan il-kommunità tal-Mellieħa. Fil-messaġġ ta’ ringrazzjament tiegħu, huwa xtaqlu paċi fis-sliem. Għexieren ta’ kummenti u messaġġi sbieħ tħallew għas-Sur Alfred, b’ħafna jirringrazzjawh tas-snin tiegħu fil-Mużew magħhom u mat-tfal tagħhom.

“Paċi xbin, u strieħ fis-sliem” 

F’messaġġ fit-tul, Stephen Deguara spjega kif kien xtralu Kinnie Alfred meta kien iltaqa’ miegħu f’Settembru. Żied jgħid kif tkellmu dwar il-battalja ta’ Alfred kontra l-mard, u kif tah il-kuraġġ hekk kif sema’ l-kliem ta’ tama li għad jirbaħ il-ġlieda tiegħu.

“Paċi xbin, u strieħ fis-sliem” qallu Deguara. Fakkar kif kienu jaħdmu flimkien fin-Naxxar, u kif Alfred kien jaħdem fis-silenzju u b’umiltà kbira, anka meta ma kienx apprezzat jew mifhum.

“Bkejt meta smajt li ħallejtna. Se nħoss in-nuqqas tiegħek”, kien kliemu.

“Grazzi tal-formazzjoni li sawwritna fl-irġiel li aħna llum”

Għexieren ta’ kummenti u messaġġi sbieħ tħallew għas-Sur Alfred, hekk kif ħafna rringrazzjawh talli tahom il-formazzjoni flimkien mal-aqwa snin ta’ tfulithom. “Grazzi tal-formazzjoni li sawwritna fl-irġiel li aħna llum”, qallu David Bonanno. Roderick Cutajar żied jgħidlu li kien “wieħed mill-isbaħ żmien ta’ tfuliti fil-Mużew”.

Ġenituri ta’ tfal li għallem fi sninu fil-Mużew ukoll ħallew kummenti talli lit-tfal tagħhom tahom kull ma kellu: Il-ħin, l-imħabba, u ġidu, fost oħrajn.