Paceville: “Proġetti approvati mingħajr masterplan biex ma nkunux nistgħu nitkellmu wara”

Is-Sindku ta’ San Ġiljan, li taħtu jaqa’ Paceville, qal li l-proġetti li qed jipu approvati f’Paceville minkejja li għad m’hemmx masterplan, qed jiġu approvati apposta biex ladarba jsir il-masterplan ħadd ma jkun jista’ joġġezzjoni għalihom.
Guido Dalli kien qed jintervjeni waqt il-programm Newsline fuq RTK, immexxi minn Fr Joe Borg u Manwel Delia, li fost l-oħrajn iddiskuta l-masterplan għal Paceville, bl-intrervent ukoll ta’ Philip Fenech, sinonimu ma’ din in-niċċa ta’ divertiment u ċ-Ċermen tas-Settur tat-Turiżmu u d-Divertiment tal-GRTU.
Huwa u jikkummenta, Dalli qal li l-masterplan tqiegħed fuq l-ixkaffa, masterplan li fih it-tajjeb u l-ħażin tiegħu, u minn informazzjoni i għandu qed jiġi ppreparat masterplan ieħor.
Il-Kummissjoni Ambjent il-ġimgħa l-oħra tkellmet dwar il-proġett ta’ Mercury House, li ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), meta qalet li ma tistax tifhem kif ġie approvat mingħajr lanqas biss hemm pjan.
Semmiet ukoll kif hi l-istess PA li tisħaq li jkun hemm dan il-pjan għal Paceville.
Sadanittant, is-Sindku ta’ San Ġiljan qal li kemm il-Kunsill kif ukoll hu vvutaw kontra dan il-permess.
Il-proġett ta’ Mercury House ġie approvat f’inqas minn xahar, hekk kif bejn il-pubblikazzjoni tal-proġett fl-20 ta’ Diċembru, it-tħaddin tiegħu fit-12 ta’ Jannar li għadda u s-seduta fil-25 ta’ Jannar meta ngħatat l-approvazzjoni lanqas biss hemm xahar.
Dan kienet innutatu l-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa.
Fost l-oħrajn, Mercury House se jkun fih torri għoli 32 sular, u jinkludi 48 kamra ta’ lukanda, 275 appartament, madwar 3,300 metru kwadru ta’ ħwienet, alterazzjonijiet għal erba’ sulari ta’ parkeġġ taħt l-art, u r-restawr ta’ Mercury House li hi binja mill-aħħar tas-Seklu 19.