PAC: L-għażla tal-Enemalta għall-provvista għaż-żejt mhux dejjem kienet favorevoli

Qed jerġa jiltaqa’ l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament fejn qed isir skrutinju tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ix-xiri taż-żejt mill-Korporazzjoni Enemalta.

L-Awditur Ġenerali flimkien ma uffiċjali mill-uffiċċju tiegħu qed jixhdu dwar il-parti tar-rapport li jikkunsidra x-xiri taż-żejt u l-għażla tal-kumpaniji barranin li mingħandhom il-Korporazzjoni xtrat iż-żejt.

Ir-rappreżentanti tal-Gvern staqsew lill-Awditur dwar ir-rekwiżiti tat-talba għaż-żejt mill-Enemalta u jekk dawk li pprovdew iż-żejt kienux l-aħjar offerti.

L-Awditur Ġenerali għal aktar minn darba irrimarka liċ-Chairman tal-Kumitat li huma qatt ma wettqu investigazzjoni imma rapport fuq l-aħjar prattika tal-ħidma tal-Enemalta.

Owen Bonnici speċifika kif jirriżulta li min ried li jiġi kkunsidrat li jipprovdi ż-żejt ried jibgħat imejl liċ-Chairman tal-Kumitat għax-Xiri taż-Żejt li kien ukoll iċ-Chairman tal-Enemalta ta’ dak iż-żmien, Alex Tranter.

L-Uffiċjali tal-Awditur Ġenerali spjegaw li kulmin ried jitfa l-offerti ried jibgħat imejl. Il-membri tal-Kumitat kien ikollhom password, li tinbidel kull darba qabel kull laqgħa.

Il-membri kienu jaraw l-offerti u jaġġudikaw.

Fiż-żmien li sar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali kienu saru seba’ laqgħat tal-Kumitat għax-Xiri taż-Żejt.

Ir-rapport jgħid li minn ħdax-il aġġudikazzjoni, Totsa rebħu l-kuntratt disa’ darbiet u l-minuti tal-laqgħa ma kienux jinżammu sewwa.

Kien hemm ukoll żmien meta ma saritx telefonata lill-MITA biex il-password tinbidel qabel il-laqgħa.

Owen Bonnici staqsa kif allura l-membri setgħu jaraw l-offerti jekk il-password ma kinitx inbidlet mill-MITA biex ikollhom aċċess.

L-uffiċjali tal-Awditur Ġenerali qalu li għal din id-domanda ma setgħux iwieġbu iżda l-kuntratt kien aġġudikat lil Totsa. 

Mir-rapport jirriżulta li kien hemm drabi fejn it-telefonata għall-password saret qabel il-laqgħa tal-Kumitat.

Hawnhekk Luciano Busuttil staqsa jekk kienx hemm xi ħadd li kellhu aċċess għall-imejl u l-password u seta’ jara l-offerti.

Beppe Fenech Adami staqsa jekk la darba wieħed ikollhu l-password jistax jidħol fil-proċess tal-offerti.

Id-Deputat Awditur Ġenerali, Deguara wieġeb li fuq dan il-proċess hija l-MITA li tista’ tagħti aktar informazzjoni.

Kienet saret ukoll laqgħa partikolari urġenti fejn ġiet diskussa offerta mibgħuta minn Totsa.

Beppe Fenech Adami qal li r-rapport jgħid li kien hemm ‘policy vacuum’ qabel mar-rapport ingħata lill-Enemalta.

Qal li r-rapport jgħid bil-miktub dak li kien isir u allura xi forma ta’ prattika kien hemm.

Uffiċjal mill-Awditur Ġenerali sostniet li l-‘policy vacuum’ tirreferi għall-mod kif jinxtara ż-żejt.

Deguara qal li ma kienx hemm proċeduri tant li ma setgħux jivverifikaw dak li kien qed jiġri. 

Il-policy uffiċjali tfasslet fl-2011. 

F’ħin minnhom inqala’ battibekk bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar dak li huwa xiri taż-żejt u hedging.

Jason Azzopardi qal li ċertu konklużjonijiet li ħarġu mir-rapport intużaw minn sezzjoni tal-midja b’għan politiku u għalhekk ried jippreċiża.

Deguara qal li mhux minnu li r-rapport joffri spin u r-referenza għall-indħil Ministerjali kien akkademiku. 

Beppe Fenech Adami qal li fil-passat, il-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici kien iddelega lil Dom Mintoff biex jinnegozja hu x-xiri taż-żejt u mhux l-Enemalta jew xi kumitat appuntat apposta.

Qal li l-ewwel kumitat kien inħatar fl-1987. 

Mistoqsi dwar x’inhi l-aħjar prattika, l-Awditur Ġenerali qal li min ma jirbaħx il-kuntratt għandu dritt għall-appell filwaqt li d-Deputat Awditur Ġenerali qal li min ikollu l-irħas offerta u ma jintgħażilx għandu jingħata raġuni. 

Deguara qal li r-rapporti jsiru biex jagħtu rakkomandazzjonijiet, bħal fil-każ tal-Enemalta. 

Owen Bonnici staqsa dwar ordni diretti li ngħataw għall-ġarr tal-fjuwil.

Huwa qal li Island Bunkering Ltd ingħataw €822,000 mingħajr ma nħasset il-ħtieġa li tinħareġ sejħa għall-offerti. B’kollox ingħataw mal-€51,000 fix-xahar. 

Meta bdew jissemmew persuni li huma implikati mal-allegat skandlu taż-żejt.

L-Awditur Ġenerali qal li ma jistax jikkummenta fuq każ li jinsab il-Qorti. 

Dwar il-kwalita’ taż-żejt, Justyne Caruana staqsiet dwar xiri ta’ żejt li kien inferjuri u mhux kont ir-rekwiżiti.

L-uffiċjali tal-NAO qalu li dan iż-żejt kien ġie aċċettat minħabba ma kienx hemm ħażna biżżejjed minħabba kriżi internazzjonali. 

Fi tweġiba għall-aħħar mistoqsijiet li saru minn Beppe Fenech Adami, Deguara staqsa għaliex għall-hedging l-Enemalta qablet fuq proċedura u prattika tajba iżda m’għamlitx l-istess fil-każ tax-xiri taż-żejt. 

Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament issa se jerġa jiltaqa' fl-10 ta' Settembru li ġej fl-4 ta' wara nofsinhar. Fost ix-xhieda se jkun hemm l-eks Chairman tal-Enemalta, Alex Tranter.