“Pa, ma nistax nemmen li mhux se nerġa’ narak dieħel mill-bieb tad-dar” – bint Renald

Messaġġ emozzjonanti li spikka fuq il-midja soċjali fl-aħħar sigħat hu dak ta’ Svetlana Falzon, bint is-Sindku ta’ Ħal Qormi Renald Falzon, li miet ilbieraħ bil-coronavirus. Huwa kellu 46 sena u huwa l-iżgħar persuna li s’issa tilef ħajtu minħabba l-coronavirus.

“Pa, ma nistax nemmen li mhux ħa nerġa’ narak diehel mill-bieb tad-dar u qatt mhu ħa nerġa’ nara dik it-tbissima fuq wiċċek fir-realtà. Ma nistax nemmen li mhux ħa jkollna iktar avventuri flimkien jew li mhux ħa jkolli aktar pariri minn tiegħek. Ma nafx kif raġel bħalek twajjeb u tgħin lil kulħadd kellu jbati u jħalliena qabel il-waqt. Nirringrazzjak ta kollox pa li ghamilt maghna u talli bqajt sal-aħħar tiġġieled. Pa żomm idejk fuqna minn hemm fuq. U ħu ħsieb lin-nannu. Aħna nħobbuk u mhu ħa ninsewk qatt.” – kitbet Svetlana.

L-aħħar tislima lil Renald Falzon se tingata dalgħodu fid-9.30am u se tkun imwassla live fuq Facebook fuq il-paġna tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi.

Il-Qriema huma mħeġġin biex il-bnadar ikunu mezz’asta b’turija ta’ rispett. Sar appell biex kulħadd isegwi mid-dar sabiex ma jinġemgħux folol minħabba l-coronavirus.