Ozil ikkritikat

L-eks difensur ta’ Arsenal Martin Keown, li llum il-ġurnata jaħdem bħala kummentatur ma’ Sportsmail fl-Ingilterra, ikkritika lill-Ġermaniż Mesut Özil għall-wirja tiegħu kontra Atletico Madrid fl-Europa League. Arsenal sfaw eliminati fis-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni wara telfa ta’ 1-0 fil-Wanda Metropolitano. Özil ingħaqad mal-Gunners fl-2013 minn ma’ Real Madrid għas-somma ta’ £42.4 miljun u għalkemm huwa meqjus bħala plejer importanti għal Arsene Wenger, Keown jemmen li l-prestazzjoni ta’ Özil kontra Atletico Madrid kellha tkun ħafna aħjar, speċjalment għal plejer bil-kwalitajiet tekniċi tiegħu. Özil għadu kemm iffirma kuntratt ġdid mal-klabb ta’ Londra, fejn huwa mistenni li jaqla’ £300, 000 fil-ġimgħa, wara bosta spekulazzjonijiet dwar il-futur tiegħu. Minkejja r-rebħ ta’ tliet FA Cups, ta’ spiss Özil safa’ kkritikat minħabba l-inkonsistenza tiegħu fil-logħbiet l-iżjed importanti.