Owen ippremjat għat-tjubija li wera ma’ Jake

DOI: Jason Borg

Il-Premju Ġwanni XXIII għat-Tjubija, mogħti mil-Laboratorju tal-Paċi, din is-sena ntrebaħ minn Owen Vassallo.

Waqt iċ-ċerimonja ta’ Premjazzjoni, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li Owen huwa turija ta’ kemm nistgħu nagħmlu ġid ma’ ħaddieħor ta’ kuljum meta “nkunu ġenwini fl-għajnuna li nagħtu lil ħaddieħor.”

Hija wriet l-ammirazzjoni tagħha lejn il-ħbiberija sinċiera bejn Owen u sieħbu Jake, u lejn il-mod kif Owen jgħin lil Jake jħossu aktar inkluż fl-iskola, u jħares lejn l-esperjenza skolastika bħala esperjenza pożittiva. Għenu billi tgħallem il-lingwa tas-sinjali biex ikun jista’ jikkomunika miegħu aħjar. Il-President qalet li ħbiberija bħal din turi kwalitajiet ta’ tmexxija b’saħħithom.

Il-President ħeġġet liż-żgħażagħ Maltin biex ikunu attivisti tal-inklużjoni, tal-ġustizzja, u tal-paċi biex “ngħixu f’ambjent fejn inħobbu aktar lil xulxin u nħossuna tassew maħbubin.” Uriet ukoll il-fiduċja tagħha fiż-żgħażagħ, li skontha, għandhom ikunu voċiferi favur inizjattivi pożittivi u rispettużi.

Hija qalet li l-messaġġ għal ħajja altruwistika, ta’ rispett, ta’ dinjità, ta’ inklużjoni, u ta’ ugwaljanza, jinsab fil-qalba tal-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda, u s-sbatax-il mira għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Temmet billi raddet ħajr lil Patri Dijonisju Mintoff għall-ħidma sfiqa tiegħu matul is-snin, bħala xempju ta’ ugwaljanza u ġustizzja soċjali f’Malta.