​Owen Bonnici wkoll jikkundanna l-attakki fuq Newsbook

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici wkoll ikkundanna l-attakki fuq Newsbook.com.mt.
F’artiklu fuq il-ġurnal The Malta Independent illum, bit-titlu Of rule, of law, il-Ministru Bonnici kkummenta dwar l-istorja li ppubblika Newsbook.com.mt aktar kmieni din il-ġimgħa, li fiha l-Arċisqof jisħaq kif l-attakki ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-midja tal-Knisja u xi membri tal-Knisja inkluż fil-konfront tiegħu, ifakkruh fl-attakki li tagħmel il-mafja kontra l-għedewwa tagħha.
Dr Bonnici stqarr li ra b’għajnejh stess it-tip ta’ lingwaġġ minn xi persuni fuq Facebook kontra l-Arċisqof.  Saħaq li hu jikkundanna bla ebda riserva lingwaġġ insulenti u dispreġġjattiv minn grupp fuq Facebook. 

Filwaqt li jgħid li wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx ma’ dak li jgħidu l-Arċisqof u l-Knisja, sostna li dan qatt ma jagħtih il-liċenzja li jinsulenta, jirredikola u jiddisprezza lil ħaddieħor.
Irrimarka li hu stess huwa kritiku għall-midja tal-Knisja, li fi kliemu hi kontra l-Gvern.
Dwar dan is-suġġett, il-Ministru temm jgħid li ċert li l-Arċisqof jaf li dawk il-ftit nies li jinstigaw il-mibegħda, ma jirrappreżentawx il-pajjiż kollu.
Ilbieraħ l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech saħaq li l-attakk sistematiku fuq Newsbook.commt mhux aċċettabbli u fi kliemu jikkonferma t-theddida fuq il-midja indipendenti li qed issir b’mod ikkoordinat.