Filmati: Repubblika titlob ir-riżenja ta’ Owen Bonnici

Aġġornat 05:41 PM

Read in English.

L-NGO Repubblika ħabbret li rebħet il-kawża tagħha kontra l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici peress li dan instab ħati li kiser id-dritt tal-libertà tal-espressjoni tal-attivisti meta ordna li jitnaddaf il-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Manuel Delia, f’isem Repubblika, esiġa r-riżenja ta’ Owen Bonnici minn Ministru.

Fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, l-għaqda ħabbret li l-eks Ministru għall-Ġustizzja nstab ħati li kiser dritt uman meta darba wara oħra, tnaddaf il-mafkar tal-ġurnalista quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta. Il-kawża nfetħet mill-attivist Manuel Delia f’isem Repubblika.

BREAKING NEWS: Court found #HumanRights #FreedomOfExpression breach by Owen Bonnici against protestors. Details at 11am…

Posted by Repubblika on Thursday, January 30, 2020

Waqt konferenza stampa quddiem il-Qorti, Manuel Delia tkellem dwar il-pożizzjoni ta’ Owen Bonnici bħala Ministru u qal li m’għadhiex tenibbli, speċjalment għax issa bħala Ministru tal-Edukazzjoni, huwa responsabbli li jrawwem ġenerazzjoni ta’ ċittadini konxji mid-drittijiet tagħhom.

Delia fiehem li jekk Abela ma jkollux ir-riżenja ta’ Bonnici, huwa dmir tiegħu li jara li l-edukazzjoni ma tkunx amministrata minn xi ħadd “pikuż,” kif skontu, sejħitlu l-Qorti fid-deċiżjoni tagħha. Huwa sostna li l-Qorti sejħet l-aġir ta’ Bonnici, li qabbad lill-ħaddiema tat-tindif sabiex ineħħu l-mafkar madwar 500 darba, ġieli aktar minn darba f’ġurnata, “assurd” u “surreali.”

Il-Qorti sejħet ukoll “dikjarazzjoni offensiva” meta l-Gvern sejjaħ il-fjuri u x-xemgħat impoġġija quddiem il-mafkar “skart” jew “żibel.” Delia spjega li fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti kkonkludiet li ma temminx li r-restawr li kien sar b’ordni tal-Gvern, sar biex tissewwa xi ħsara li saret waqt xi protesta. Il-Qorti affermat li t-tneħħija tal-mafkar saret bil-ħsieb u bl-intenzjoni speċifika li jxekkel il-jedd tar-rikorrent li jesprimi l-fehmiet tiegħu liberalment.

Manuel Delia qal li meta kien Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, uża l-“gidba” tar-restawr biex jiċċensura d-dritt tal-espressjoni ħielsa, u l-iskuża tal-mafkar biex joħloq firda.

Għaldaqstant, hu insista li Bonnici ma jistax jibqa’ Ministru tal-Gvern.

Press Conference Court Judgement Protest Site 30.01.2020

Posted by Repubblika on Thursday, January 30, 2020

Kemm ilu li biddel il-Ministeru tiegħu, Owen Bonnici qal li se jħalli l-mafkar f’idejn min hu responsabbli. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li filwaqt li l-monument tal-Assedju l-Kbir jibqa’ tal-poplu, għalissa l-mafkar se jitħalla hemm.

Il-Ministeru mhux se jappella s-sentenza

Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħa nota tas-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mogħtija llum mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon. Qal li wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru u mal-Avukat tal-Istat, il-Ministeru tenna li l-Gvern mhuwiex se jappella s-sentenza, minkejja d-dritt li jagħmel dan skont il-liġi.

L-istqarrija tal-Ministeru tgħid illi, “Id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jappellax mis-sentenza qed issir b’konsistenza mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela dwar dan il-każ.” 

Filmati: Miguela Xuereb