Owen Bonnici jgħid li 3 persuni setgħu jivvutaw darbtejn

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi stqarr li kien hemm tliet każi ta’ persuni b’iktar minn karta tal-identità waħda u li teknikament setgħu jivvutaw darbtejn.
Skont rapport fuq The Times, il-Ministru spjega dan waqt laqgħa mal-ġurnalisti fil-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Identity Malta.
Il-Ministru Bonniċi stqarr li żewġ każi ġew imniżżla bħala żball klerikali. Il-każ l-ieħor kien dwar ċittadin Serb li kien reġistrat b’passaport Jugoslav u reġa’ rreġistra għat-tieni darba, b’isem differenti b’passaport Serb. Saħaq li dan ma jistax jivvota f'elezzjoni ġenerali. 
Madanakollu, fir-rapport tagħha The Times qalet li Dr Bonniċi ċaħad mill-ġdid l-allegazzjonijiet li Identity Malta ħarġet iktar minn karta tal-identità waħda lill-istess persuna, biex b’hekk tkun tista’ tivvota aktar minn darba.
Ix-xahar li għadda, ħarġu diversi rapporti dwar kriżi interna f’Identity Malta, wara li minn kampjun ta’ 300 persuna, irriżulta li 80 kellhom karta tal-identità doppja.
Il-Ministru spjega li dan il-kampjun kien jinkludi lista ta’ 286 persuna li ngħataw ID card temporanja matul is-snin. Żied jgħid li l-ID cards proviżorji jinħarġu lill-persuni li ma jkunux ipprovdew ċertifikat tat-twelid.
Owen Bonniċi stqarr li l-maġġoranza ta’ dawk b’aktar minn ID card waħda f’isimhom, biddlu l-ID card proviżorja ma’ dik normali. Irrimarka li meta sar il-bdil tal-ID card, dik proviżorja ngħatat lura lil Identity Malta.
Min-naħa tagħhom, uffiċjali ta’ Identity Malta assiguraw l-integrità tas-sistema.
TVM irrapporta li ċ-Ċermen ta’ Identity Malta Joe Vella Bonniċi ppreżenta lill-ġurnalisti estratti mir-reġistru elettorali li jmorru lura sal-2007, li juru li persuna minn San Pawl il-Baħar li kellha karta tal-identità doppja, kienet ilha tidher darbtejn fir-reġistru elettorali sa minn dak iż-żmien.
Il-Ministru Bonniċi spjega li hu ma jistax jerfa' r-responsabbiltà dwar il-każ li seħħ fl-2007. Spjega li minkejja li din il-persuna dehret darbtejn fir-reġistru elettorali, ivvutat darba biss.