Ottubru aktar sħun, b’irwiefen u aktar xita

It-temp matul Ottubru li għadda kien ikkaratterizzat minn temperaturi ogħla mill-medja, irwiefen qawwija u aktar xita mis-soltu.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li t-temperatura medja kienet ta’ 22.5°Ċ, 1°Ċ aktar mill-medja.
L-ogħla temperatura x-xahar li għadda kienet irreġistrata fis-6 ta’ Ottubru b’30.3°Ċ. It-temperaturi bdew jiksħu wara l-21 ta’ Ottubru.
F’20 jum minn Ottubru kellna temperaturi ogħla min-norma, b’medja ta’ 25.7°Ċ, 0.7°Ċ iktar mill-medja.
Il-medja tal-inqas temperatura kienet ta’ 19.3°Ċ, 1.3°Ċ  ogħla mill-medja.
It-temperatura medja tal-baħar kienet 1.2°Ċ  ogħla min-norma u laħħqet it-23.5°Ċ .
L-aktar temperatura kiesħa f’Ottubru kienet ta’ 11.9°Ċ  li ġiet irreġistrata fit-22 tax-xahar.
Minkejja t-temperaturi għoljin, Ottubru ra inqas sigħat ta’ xemx milli normalment mistenni, b’medja ta’ 6.3 sigħat xemx kuljum għall-kuntrarju tas-7 sigħat tas-soltu.
L-aktar jum li gawda xemx kien it-12, b’10.6 sigħat xemx, filwaqt li l-aktar jum mudlam kien is-27 ta’ Ottubru li ma kellu ebda xemx irrekordjata.
Maltempati kienu rreġistrati f’ħamest ijiem: fl-1, it-2, l-10, it-22 u l-31 tax-xahar. Fit-22 għamel ukoll is-silġ.
L-arja kienet ftit aktar xotta min-normal, b’umdità relattiva medja tlaħħaq il-75%, valur aktar baxx mill-medja ta’ 79%.
F’Ottubru niżlet total ta’ 102.2 millimetru ta’ xita fi 11-il jum. Il-medja ta’ xita f’Ottubru hi ta’ 75.6mm.
Ix-xahar li għadda kien milqut minn irwiefen qawwija, b’dak massimu laħħaq it-48 mil nawtiku fit-22 ta’ Ottubru. Il-veloċità medja tar-riħ irreġistrata kienet ta’ 7.7 mil nawtiku, nofs mil nawtiku aktar min-norma.