“Ottimiżmu kawt” għaż-żjara tal-Papa Franġisku fis-Sudan t’Isfel

Il-poplu fis-Sudan t'Isfel ibati mill-gwerra ċivili li kissret il-pajjiż

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal  Pietro Parolin ikkonferma mal-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenit” li jeżisti “ottimiżmu kawt” dwar il-possibiltà li Papa Franġisku jżur is-Sudan t’Isfel.

Il-Kardinal ikkonferma dan meta kien qed jieħu sehem f’symposium li sar f’Ruma l-ġimgħa li għaddiet bit-tema “Flimkien niddefendu l-Libertà Reliġjuża internazzjonalment” organizzat mill-Ambaxxata Amerikana f’Ruma flimkien mas-Santa Sede.

Il-korrispondent ta’ “Zenit” staqsa speċifikament lill-Kardinal Parolin dwar spekulazzjoni li hemm stennija li l-Papa jżur dan il-pajjiż Afrikan tas-Sudan t’Isfel, li hu mifni bil-gwerra ċivili.

Il-Papa jrid imur

Is-Segretearju tal-Istat tal-Vatikan wieġeb li: “Aħna nafu li l-Papa jrid imur hemm u nafu wkoll li s-sitwazzjoni fil-pajjiż tjiebet xi ftit, l-aktar wara l-Ftehim li ntlaħaq riċentement u anke minħabba r-rieda tjaba tal-persuni nvoluti fis-sitwazzjoni.”

“Aħna ngħidu li hemm “ottomiżmu kawt”, qal il-Kardinal bi tbissima.

Alessandro Gisotti, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ikkonferma li “Bħalissa fil-Vatikan hemm irtir spiritwali għall-mexxejja tas-Sudan t’Isfel”.

Il-Papa Franġisku, f’diversi okkażżjonijiet esprima x-xewqa li jmur iżur dan il-pajjiż u darba minnhom qal li jixtieq imur fis-Sudan t’Isfel flimkien mal-Arċisqof ta’ Westminister, Justin Welby.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Arċisqof Paul Richard Gallagher, is-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet mal-Istati, żar is-Sudan t’Isfel.  F’Mejju ta-sena li għaddiet, l-Ambaxxatriċi Ngliża għall-Vatikan u rappreżentanti tal-Arċisqof ta’ Canterbury kellhom laqgħa ma’ Mons Gallagher dwar il-paċi fis-Sudan t’Isfel.

Laqgħa mal-President tal-pajjiż

Fis-16 tax-xahar li għadda, l-Papa Franġisku kien laqgħa fil-Vatikan lill-President tas-Sudan t’Isfel u delegazzjoni li kien qed imexxi. Skont stqarrija tal-Vatikan, matul dik il-laqgħa qal li xtaq ikun ċert li hemm il-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jżur il-pajjiż biex juri li hu qrib dan il-poplu u jinkoraġixxi l-proċess ta’ paċi.

Bejn l-4 u l-10 ta’ Settembru ta’ din is-sena l-Papa mistenni jżur il-Madagascat, il-Mozambique u l-Mauritius.