Otra Vez u Kontiki jirbħu l-unuri fil-Gozo Regatta

Otra Vez u Kontiki rebħu l-unuri fil-Klassi 1 tal-IRC u fil-Klassi 2 tal-IRC rispettivament fl-edizzjoni tal-2017 tal-BOV Gozo Regatta.
Wara t-tħassib inizjali li l-BOV Gozo Regatta fi tmiem il-ġimgħa setgħet tiġi kkanċellata minħabba l-maltempata bis-sajjetti li laqtet il-Gżejjer Maltin nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru filgħodu, it-temp ma baqax daqshekk ikrah u l-kumitat tat-tellieqa ddeċieda li jkompli bil-bidu tat-tellieqa bejn Malta u Għawdex kif skedat fit-1500hrs.
Id-dgħajsa Elusive II, bil-kaptana tagħha jkunu l-aħwa Podesta, kienet fuq quddiem kmieni fit-tellieqa bil-bqija tal-flotta jsegwu qrib warajhom. Iż-żiffa qawwija mix-Xlokk kienet perfetta għall-passaġġ sa Għawdex, bir-riżultat li d-dgħajjes kollha kienu ankrati fil-Port tal-Imġarr sas-1800hrs.
Matul tmiem il-ġimgħa, il-flotta gawdiet minn temp bi ftit li xejn xita u kundizzjonijiet tar-riħ stabbli li kienu jvarjaw bejn 18 – 20 knot nhar is-Sibt, li żdiedu għal massimu ta’ 25 knot nhar il-Ħadd. Il-mewġ ogħla minn metru mill-Grigal kompla jżid mal-azzjoni tal-Ħadd.
IRC Klassi 1
Nhar is-Sibt filgħodu, il-flotta tal-Klassi 1 tal-IRC ingħataw ir-rotta għal tliet tlielaq kemm favur kif ukoll kontra r-riħ. Billi l-ewwel tellieqa rriżultat f’waħda kemmxejn qasira, it-tieni u t-tielet tellieqa kienu żewġ dawriet bħall-ewwel waħda. Il-programm tal-Ħadd kien jikkonsisti minn żewġ tlielaq ta’ dawra waħda madwar Kemmuna. Matul tmiem il-ġimgħa rajna sfida kbira bejn Otra Vez u Elusive 2, b’din tal-aħħar bi qlubija tipprova żżomm it-titlu tas-sena l-oħra. Bir-rebħ ta’ tliet tlielaq kull wieħed, Otra Vez u Elusive 2 kienu qrib ferm ta’ xulxin tul it-tellieqa kollha, u dan irriżulta f’punti ndaqs għall-ewwel post li seta’ jiġi deċiż biss abbażi tar-riżultat tal-aħħar tellieqa, li ntrebħet minn Otra Vez bil-kaptan Aaron Gatt Floridia, biex b’hekk ġew iddikjarati rebbieħa.
IRC Klassi 2
Il-flotta kellha total ta’ erba’ tlielaq matul tmiem il-ġimgħa – żewġ tlielaq nhar is-Sibt, li jduru madwar Kemmuna fid-direzzjoni opposta tal-Klassi 1 tal-IRC, u tellieqa waħda b’żewġ dawriet nhar il-Ħadd filgħodu. Nhar Il-Ġimgħa rajna bidu tajjeb għal Ray Schembri bid-dgħajsa Sailaway. Fl-aħħar tellieqa ta’ tmiem il-ġimgħa, Sailaway irnexxielha taqbeż bl-eżatt lil Maltese Falcon II, mad-dawra kollha ta’ Kemmuna fuq iż-żewġ dawriet imma fl-aħħar kienet il-Maltese Falcon II li ħarġet bħala r-rebbieħa tal-aħħar tellieqa. Finalment kienet id-dgħajsa Kontiki bil-kaptan Ferdinand Grech li rebħet il-Klassi globali minkejja li sofriet xi ħsara fl-aħħar tellieqa.