Ospina jingħaqad ma’ Napoli b’self

Il-goalkeeper Kolombjan David Ospina ngħaqad ma’ Napoli b’self mingħand Arsenal. Il-plejer ta’ 29 sena ma kienx fil-pjanijiet tal-klabb hekk kif il-Gunners akkwistaw lil Bernd Leno mingħand Bayer Leverkusen għal €22m.

Ospina sar plejer ta’ Arsenal fl-2014 wara li l-klabb Ingliż iddeċieda li jinvesti £3m fuq il-goalkeeper Sud Amerikan wara li dan kellu wirjiet impressjonanti fit-Tazza tad-Dinja ta’ dik is-sena. Il-Kolombjan ingħaqad ma’ Napoli b’self iżda t-tim tas-Serie A għandu l-opportunita li jakkwistah fuq bażi permanenti.

Napoli kienu qed ifittxu goalkeeper ta’ esperjenza wara t-tluq ta’ Pepe Reina li mar ma’ AC Milan.