Oscars 2018: “The Shape of Water” bl-aqwa direttur

Fid-90 edizzjoni taċ-ċerimonja tal-Oscars f’Hollywood, l-aqwa direttur mar għand Guillermo del Toro għall-film “The Shape of Water”. Dan il-film ħa wkoll l-Oscar għall-aqwa stampa.
Il-premju għall-aqwa attur mar għand Gary Oldman li għamilha ta’ Winston Churchill fil-film “Darkest Hour”. L-Oscar għall-aqwa attriċi ħaditu Frances McDormand, il-protagonista tal-film "Three Billboards Outside Ebbing, Missouri”.
L-ewwel premju tas-serata ntrebaħ minn Sam Rockwell, li kien l-aqwa attur mhux-protagonista fir-rwol tiegħu bħala pulizija korrott “Three Billboards”.
Warajh telgħet tiġbor il-Premju Oscar Allison Janney għall-interpretazzjoni tagħha ta’ omm l-iskater Tonya Harding fil-bijografika komika “I, Tonya”.
L-aqwa film ta’ animazzjoni intrebaħ mill-aħħar produzzjoni tal-Pixar “Coco” li rebaħ ukoll l-Oscar għall-aqwa kanzunetta oriġinali.
Il-film “Dunkirk” rebaħ tliet premjijet tekniċi.