Oscar, Gianmarco u Domenika, u Melissa rebbieħa tas-Swatch Beach Volley Malta

L-ewwel edizzjoni tal-iSwatch Beach Volley Tournament Malta li saret nhar is-Sibt 30 ta Settembru  fil-bajja ta' Pretty Bay B'Bugia ntemmet bl-Iżvediż Oscar Bjorlin u t-Taljan Gianmarco Rabuazzo rebħu l-kategorija maskili waqt li l-Pollakka Domenika Dworniczak flimkien mal-Amerikana Melissa Cheviron Amerikana rebħu l-kategorija femminili.
Fil-kategorija maskili Oscar u Gianmarco ħarġu rebbieħa wara li fil-fażi finali għelbu l–isfida tat-tim kompost mil-Franċiżi Louis Reynaud u Kevin Marembert.  Kien tornew meraviljuż b'atleti li ġejjin minn disa' pajjiżi differenti inklużi Malta, l-Iżvezja, l-Italja, Franza, il-Polonja, is-Serbja, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Estonja rispettivament.
Fl-ewwel fażi spikkaw il-Pollakk Wojtek Stellmach u s-Serb Nicolas Muncic li ddominaw dan l-istadju u rebħu s-sitt logħbiet kollha. Gordon u Federico spiċċaw l-ewwel stadju fit-tieni post wara li rebħu 5 logħbiet u tilfu logħba waħda biss kontra StellmachMuncic. Oscar u Gianmarco waslu fit-tielet post filwaqt li Reynaud u Marembert ġew fir-raba' post fejn għelbu l-isfida tat-tim magħmul mill-Pollakk Marek Gala u l-Awstrijak Ben Hopfer u tat-tim l-ieħor magħmul mill-Għawdxi Angelo Bonnici flimkien mal-Ġermaniż Mauricio Preus.
It-tieni fażi kienet tikkonsisti f'żewġ semi-finali b'eliminazzjoni diretta. Dawn il-logħob kienu eċitanti u spettakolari fejn Reynaud/Marenbert irnexxielhom jeliminaw lill-favoriti Stellmach/Muncic filwaqt li Oscar/Gianmarco eliminaw lil Gordon/Federico li kienu ironikament rebħulhom fl-ewwel fażi.
Il-finali kienet kumbattuta fejn l-atleti kollha taw l-almu tagħhom biex jirbħuha. Finalment, Oscar Bjorlin u Gianmarco Rabuazzo  kienu superjuri fil-logħob tagħhom u rebħu din il-finali. L-organizzaturi ppreżentaw arloġġ tad-ditta swatch bħala premju.
Fil-kategorija femminili, il-favoriti netti l-Pollakka Domenika Dworniczak u l-Amerikana Melissa Cheviron rebħu l-logħbiet kollha kemm tal-ewwel fażi u anke tat-tieni fażi biex meritatament rebħu dan it-tornew. Fis-semi-finali huma għelbu lil Maria Caruana Demicoli flimkien mal-Ungeriża Viki Sebok. Fil-finali huma ltaqgħu mal-Maltija Isabel Grech u l-Pollakka Agata Bartlomiejczyk u rebħulhom f'żewġ settijiet biex rebħu dan it-tornew. Bħala premju huma ħadu arloġġ Swatch Skin offrut mill-Isponsor ta' dan it-tornew, Swatch.