Orqod aħjar u l-memorja sservik aktar

L-esperti qed jagħtu provi li hemm rabta bejn in-nuqqas ta’ rqad u d-dimensja. Qed jirrikonoxxu li l-irqad hu fattur importanti li jiddetermina jekk tiżviluppax il-marda tal-Alzheimer’s iktar tard f’ħajtek.

Il-Professur Matthew Walker li għadu kemm ippublika ktieb dwar l-irqad jispjega li b’mod naturali il-kwalità tal-irqad, speċjalment l-irqad fil-fond li jkollna fil-bidu tal-lejl, jibda jonqos u miegħu tibda tonqos il-memorja. F’pazjenti bl-Alzheimer’s, it-tnaqqis ta’ rqad fil-fond hu aktar qawwi. It-tfixkil fl-irqad jibda jseħħ għadd ta’ snin qabel tfiġġ l-Alzheimer’s, li jista’ jservi ta’ twissija li waslet din il-marda jew li saħansitra dan in-nuqqas ta’ rqad jikkawża din il-marda.

Il-marda tal-Alzheimer’s hi assoċjata ma’ forma ta’ plakka li tikber fil-moħħ u li toqtol iċ-ċeoololi fil-moħħ. Interessanti li din tinbena fil-parti ta’ quddiem tal-moħħ li hi responsabbli tal-irqad fil-fond. Iktar studji li qed isiru fuq il-ġrieden juru li n-nuqqas ta’ rqad jaffetwa l-mod kif il-moħħ inaddaf lili nnifsu. Dan ifisser li inqas ma persuna torqod bil-lejl, iktar hemm ċans li tinġema’ din it-tip ta’ plakka fil-moħħ li maż-żmien ittellef il-memorja.

Għadd ta’ studji matul l-aħħar mitt sena jikkonfermaw ukoll il-bżonn ta’ raqda tajba matul il-lejl biex persuna tiftakar dak li tkun tgħallmet ġdid matul il-ġurnata. L-esperti jkomplu jwissu li l-irqad mhux bħall-bank. Jekk takkumula d-dejn, ma tkunx tista’ tħallsu iktar tard. Għalhekk importanti li torqod raqda tajba f’kull lejl.