Ornella Muti tista’ tispiċċa l-ħabs wara li marret għal ikla mal-President Russu

Ritratt: Nikita

L-attriċi Taljana Ornella Muti twissiet li tista’ tispiċċa fil-ħabs jekk ma tħallasx id-danni wara li kkanċellat xi wirjiet li kellha tagħti biex tattendi ikla mal-President Russu Vladimir Putin u mal-attur Kevin Costner.

Ornella Muti kellha tagħti wirjiet fuq il-palk f’Diċembru 2010 imma infurmat lill-organizzaturi li kienet marida u ma setgħetx tmur għat-tlett iljieli li kellha tattendi. Minflok sabu li marret St Petersburg biex tattendi gala għall-karità li kienet tinkludi ikla mal-President Russu.

Nhar il-Ħamis li għadda l-Qorti tal-Appell fl-Italja kkonfermat is-sentenza li kienet ingħatat kontriha minħabba attentat ta’ frodi. L-attriċi kienet appellat minn sentenza li ngħatat fl-2015 għax qalet li ma tiflaħx tħallas għat-telf li għamel it-teatru li ħarrikha għad-danni.

Il-qorti issa kkonfermat dik is-sentenza li ngħatatilha ta’ sitt xhur ħabs priġunerija sospiża kif ukoll multa ta’ €500 u €30,000 bħala kumpens lit-Teatru Verdi f’Pordenone fl-Italja. Ingħatat 30 ġurnata biex tħallas il-piena inkella jittieħdu passi oħra.

Hija nstabet ħatja ta’ attentat ta’ frodi għax bagħtet ċertifikat tat-tabib dwar saħħitha lit-teatru bejn qalet li kellha infjammazzjoni kbira fi griżmejha, kellha d-deni u kienet maħnuqa. Iċ-ċertifikat irrakkomanda li l-attriċi jkollha ħamest ijiem ta’ mistrieħ imma mbagħad ħarġu rapporti li dik il-ħabta kienet marret ir-Russja fuq stedina ta’ Putin. Meta dehret fuq l-istess mejda mal-President Russu, it-teatru fetaħ kawża kontriha.

L-ikla tal-2010 ta’ Vladimir Putin li għaliha attendiet Ornella Muti meta suppost kienet qegħda tagħti wirja fit-teatru

Ornella Muti, ta’ 64 sena, meta nstema’ għall-ewwel darba l-każ tagħha tliet snin ilu, kienet qalet li ma kellhiex flus biex tħallas il-piena. Skont rapporti  fil-ġurnali  ta’ dak iż-żmien, l-attriċi u bintha Naike kienu tkeċċew minn fejn kienu joqogħdu f’Ruma wara li kellhom jagħtu €80,000 f’kera li baqgħu ma ħallsux.

L-attriċi l-imgħoddi kienet stqarret mal-midja Russa li kellha appartament f’Moska u li xtaqet li jkollha ċittadinanza Russa.