Organu ġdid fil-ġisem jaffettwa dak li nafu fuq il-kanċer

Studju ppubblikat fil-ġurnal Scientific Reports jitkellem fuq skoperta ġdida fl-anatomija li permezz tagħha t-tobba jistgħu jifhmu kif mard bħal kanċer jista’ jinfirex.
Din ir-riċerka tgħid li din l-iskoperta taffettwa dak kollu li nafu fuq il-funzjoni tal-organi kollha tal-ġisem, ħafna mit-tessut, kif ukoll il-mod ta’ kif jaħdmu ħafna mill-mard serju.
Dr Neil Theise, patologu u professur ma’ New York University School of Medicine, li kkollabora biex jistudja fuq din l-iskoperta, spjega li peress li t-tobba qatt ma kienu jafu biha, qatt ma setgħu jifhmu kif mard serju jinfirex mal-ġisem. Issa li għandom il-kapaċità jagħmlu dan, jistgħu jaraw kif iwaqqfu l-proċess. 
Ix-xjentisti skoprew li ċertu saffi tal-ġisem li għal żmien twil kienu kkunsidrati biss tessuti konnettivi, huma kompartamenti marbuta ma’ xulxin, mimlijin fluwidu. Din is-sistema li ġiet deskritta bħala “serje ta’ spazji” ġiet ikklassifikata mill-kittieba tal-istudju bħala organu ġdid, imsejjaħ interstitium.
Skont il-kittieba, dan l-organu jaġixxi biex jassorbi x-xokk, li jżomm it-tessut milli jitqatta’ waqt li l-organi u l-muskoli jagħmlu xogħolhom ta’ kuljum.  Huwa wkoll mezz kif fluwidi jidħlu fis-sistema tal-vini madwar il-ġisem, li tfisser li jgħin ukoll biex ixerred mard fil-gisem, inkluż il-kanċer.