Organizzazzjoni ġdida u globali għall-paċi se tistabbilixxi ruħha f’Malta

Malta se tkun qed isservi bħala kwartieri tal-Kunsill Globali għat-Tolleranza u l-Paċi (GCTP).
Iċ-Ċermen ta’ din l-organizzazzjoni ġdida, Ahmed bin Mohammed Al-Jarwan, flimkien ma’ delegati oħra, żar Malta sabiex jenfasizza formalment l-interess distint tiegħu li din l-organizzazzjoni titfa’ l-ankri hawnhekk.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal fi stqarrija li fost l-għanijiet ewlenin tal-GCTP hemm li jinbnew sħubijiet internazzjonali, li jitrawmu l-valuri tat-tolleranza u l-kultura, jiġi skreditat l-estremiżmu, li tiġi promossa d-diplomazija preventiva u li jiġu mwieżna inizjattivi taż-żgħażagħ, kemm reġjunalment kif ukoll internazzjonalment.
Waqt it-taħdita li kellu mar-rappreżantant għall-Gvern, George Vella, Al-Jarwan qal li se jniedi premju internazzjonali li se jikkontribwixxi għall-paċi internazzjonali.
Vella laqa’ l-interess tal-Kunsill Globali għat-Tolleranza u l-Paċi, u fi tmiem it-taħdita ġie ffirmat Protokoll ta’ Assoċjazzjoni bejn iż-żewġ naħat.
Il-kunsill iltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat, li faħħar l-għanijiet tiegħu meta qal li dawn jirriflettu l-politika barranija ta’ Malta wkoll.