Organizzati b’suċċess l-FISTF International Open u l-Grand Prix ta’ Malta tat-Table Football

Fi tmiem il-ġimgħali għaddiet ġew organizzati l-FISTF International Open u l-Grand Prix ta’ Malta tat-Table Football.
Din is-sena dan it-tournament internazzjonali ġie organizzat minn żewg klabbs rivali Beltin – il-Valletta Subbuteo Club u Valletta Lions TFC, iżda li ngħaqdu għal din is-sena speċjali ta' Valletta 2018.
Dan it-tournament sar ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, bl-isponsor principali jkun il-Malta Tourism Authority.
Nhar is-Sibt 28 t'April kien hemm bidu għall-kompetizjonijiet tal-International Open individwali. Kellna l-parteċipazjoni ta’ 10 pajjizi li huma Malta, Franza, Italja, Spanja, Ġermanja, Awstralja, Grecja, Skozja, Russja u Tuneżija.
Fil-kompetizzjoni tal-kategorija Open kien hemm 26 parteċipant. Fil-finali wasslu l-plejer Malti Samuel Bartolo ta’ Valletta Subbuteo Club u l-Belġjan Christope Dheur tat-tim Charleroi.  Ir-rebbieħ ta’ din il-kategorija kien Samuel Bartolo bl-iskor ta’ 1-0.
Fil-kompetizzjoni tal-veterani kien hemm 15-il parteċipant. Fil-finali reġa' kellna plejer Malti kontra plejer Belgjan, fejn il-plejer Malti Mario Camilleri ta’ Valletta Subbuteo Club affronta lill-plejer Belġjan Vito di Ruggiero ta’ Charleroi. Ir-rebbieħ kien Mario Camilleri bl-iskor ta' 2-0.
Fil-kategorija ta' taħt id-dsatax-il sena kien hemm livell għoli ta' logħob u fil-finali rnexxielhom jaslu l-plejer Grieg Dimitri Dimopolour ta’ Piraeus Lions u t-Taljan Armando Giuffre ta’ Messina Subbuteo Club u r-rebbieħ kien Armando Giuffre bl-iskor ta’ 1-0.
Tard wara nofs inhar ingħata bidu għall-kompetizzjonijiet tat-timijiet tat-tournament tal-Grand Prix. Barra t-timijiet Maltin qed jipparteċipaw ukoll tim mill-Greċja u ieħor mill-Italja.  
Intant, l-għada l-Ħadd 29 t'April, tkomplew il-logħob tat-timijiet, li bdew bis- semi-finali bejnil-klabbs ta’ Valletta Subbuteo Club u Valletta Lions TFC u Bormla Subbuteo Club u Messina SC.
Għall-finali għaddew iż-żewġ klabbs Maltin Valletta Subbuteo Club u Bormla Subbuteo Club.  Għal Valletta Subbuteo Club lagħbu l-plejer Derek Conti, Joseph Borg Bonaci, Samuel Bartolo u l-Belġjan Pascal Scheen.  Għall-Bormla Subbuteo Club lgħabu, Charlie Aquilina, Joseph Mifsud, George Ebejer / Mark Gauci u l-Grieg Alberto di Maggio.  Kienet logħba akkanita u ta’ livell għoli ħafna. Il-logħba spiċċat f’parità ta’ 1-1 u kellhom imorru għall-ħin barrani. It-Titlu ntrebaħ minn Valletta Subbuteo Club bil-gowl ‘sudden death’ skurjat minn Joseph Borg Bonaci.
Wara ngħata bidu għal-logħob individwali tal-Grand Prix. Reġa' kien hemm il-Kompetizzjoni Open li reġgħet intrebħet minn Samuel Bartolo ta’ VSC. Bartolo rebaħ kontra l-Franċiż Axel Donval. Il-logħba baqgħet f’parità anke fil-ħin barrani u b’hekk il-logħba ġiet deċiża bix-‘shots’, fejn Bartolo rebaħ 4-2.
Il-kompetizzjoni tal-Veterani wkoll reġgħet intrebħet minn Mario Camilleri.  Mario Camilleri lagħab il-finali tiegħu kontra l-plejer Taljan Lucio Canicchio.  Anke din il-logħba spiċċat f’parità wara l-ħin barrani u kellha tiġi deċiża bix-‘shots’ 4-3.
Fil-kategorija ta’ taħt id-dsatax-il sena r-rebbieħ kien il-plejer Grieg, Dimitris Dimopolous. Dimitris lagħab il-finali tiegħu kontra l-Malti Jamie Bonnici u spiċċat bl-iskor ta’ 2-0.
Kull sena dan it-tournament qed jgħolli l-livell tiegħu bi kwalità għolja ta’ plejers minn Malta u anke minn barra minn xtutna. Matul dawn il-jumejn żaru dan it-tournament bosta nies distinti fosthom l-Onorevoli Dr Deo Debattista, l-Onoerevoli Ryan Callus u s-CEO tal-MCC Pierre Fenech fost oħrajn.