Organizzazzjonijiet Kattoliċi jgħinu biex tfal jingħaqdu lura mal-familja

Tfal ta’ imigranti jifirħu hekk kif inħelsu mid-detenzjoni f’Texas

Uħud mit-tfal taħt il-5 snin li kienu separati mill-familji tagħhom mill-Gvern Amerikan, reġgħu ngħaqdu mal-għeżież tagħhom, bl-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet Kattoliċi.

Madwar 24 familja reġgħu ngħaqdu bl-għajnuna tas-Servizz għar-Refuġjati tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani, Il-Karitajiet Kattoliċi Amerikani u numru ta’ Aġenziji oħra madwar il-pajjiż.

B’kollox, sa nofs dan ix-xahar, l-Aġenziji Kattoliċi għenu biex 55 familja jkollhom dak li hu meħtieġ, bħal ikel, post fejn joqogħdu u servizzi oħra neċessarji.

Bill Canny, Direttur Eżekuttiv tal-Migrant Refugee Services qal li qed jippruvaw jagħtu doża ta’ pożittività lil dawk li kellhom doża negattiva. “Il-protezzjoni tal-familja hu element fundamentali tat-tagħlim soċjali tal-Knisja u dan il-mument jitlob lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex jagħtu daqqa t’id biex ngħaqqdu lil dawn it-tfal mal-ġenituri tagħhom”, intqal fi stqarrija tal-MRS.

Aktar kmieni, dawn it-tfal kienu mifruda mill-familji tagħhom minħabba l-politika tal-amministrazzjoni tal-President Donald Trump li tipprova twaqqaf id-dħul ta’ persuni illegalment fuq il-fruntiera mal-Messiku.  F’Mejju li għadda, l-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, kien wissa li nies li jippruvaw jidħlu fl-Amerika b’mezzi mhux regolari, jekk jinqabdu kienu se jittiħdulhom it-tfal li jkollhom magħhom.