Inkjesta Daphne: Ix-xhieda se tibda b’żewġha u b’binha

Organizzazzjoni Internazzjonali qed tinsisti li jkun hemm skrutinju mill-qrib hekk kif l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tibda għada l-Ġimgħa, 6 ta’ Diċembru.

Fl-ewwel seduta tal-inkjesta, se jixhdu Peter Caruana Galizia, żewġha, u wieħed mit-tfal tagħha Matthew.

Fi stqarrija maħruġa miċ-ċentru Ewropew għall-Istampa ħielsa, l-organizzazzjonijiet affiljati qed jitolbu li l-midja, l-organizzazzjonijiet governattivi internazzjonali u diplomatiċi jsegwu s-smigħ li jsir fil-miftuħ.

Iċ-ċentru qal li l-inkjesta pubblika huwa mekkaniżmu kritiku li jrid jiżgura li l-verità kollha toħroġ fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Hu essenzjali li joħorġu lezzjonijiet li wieħed jitgħallem minnhom u implimentati biex jiġu protetti il-ġurnalisti l-oħra f’Malta li qegħdin f’riskju. Aħna nitolbu trasparenza sħiħa fil-proċess tal-inkjesta pubblika, b’mod partikulari l-informazzjoni li toħroġ mill-inkjesta li tingħata pubblikament u fi żmien qasir,” iċ-ċentru qal.