Ordni mill-Qorti għall-marki tas-swaba’ ta’ Guest More għall-konferma tal-identità tiegħu

police.uk

Christopher Guest More li kien wieħed mill-iżjed kriminali mfittex fl-Ewropa deher fil-Qorti Maltija lbieraħ biex jiġġieled talba ta’ estradizzjoni mir-Renju Unit, fejn hu mfittex mill-Pulizija b’rabta ma’ diversi reati kriminali serji, inkluż qtil brutali ta’ missier li ġie ttorturat quddiem uliedu. L-akkużat qed jgħid li hu mhuwiex Guest More u li l-Pulizija arrestat lill-persuna l-ħażina, għalhekk il-Qorti ordnat li jerġgħu jittiħdulu l-marki tas-swaba’ biex jitqabblu mal-marki li għandha l-Pulizija Ingliża.

Guest More ġie arrestat u tressaq il-qorti nhar is-Sibt wara ħidma bejn il-Pulizija Maltija u Brittanika. Tliet irġiel oħra, John Wilson ta’ 69 sena, James Raven ta’ 60 sena, u Otis Matthews ta’ 41 sena kollha qegħdin iservu sentenza ta’ għomor il-ħabs għall-qtil ta’ Brian Waters li kellu 44 sena f’Ġunju tal-2003, liema qtil hu maħsub li seħħ minħabba flus għad-droga. Guest More hu mfittex ukoll għall-attentat ta’ qtil ta’ raġel ieħor u għall-priġunerija falza u l-attakk ta’ vittmi oħra preżenti fl-inċident. Guest More kien maħrub u mfittex mill-Pulizija ta’ Cheshire għal dawn is-snin kollha.

Il-Qorti tikkonferma l-identità ta’ wieħed mill-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa li ġie arrestat f’Malta

L-akkużat deher quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ilbieraħ, u qagħad b’rasu baxxuta għall-maġġorparti tas-seduta. Preżenti kien hemm ukoll rappreżentanti tal-Pulizija Brittanika.

Huwa akkużat b’14-il akkuża separati. L-avukat Arthur Azzopardi, li qed jidher għall-akkużat, qal li d-Difiża tagħraf il-fatt li l-akkużi huma validi għall-estradizzjoni. Il-Qorti qalet li se tiddetermina din il-kwistjoni fid-deċiżjoni finali tagħha li fiha tiddeċiedi dwar l-estradizzjoni.

Fis-seduta ħareġ li l-bażi tal-identifikazzjoni ta’ Guest More kienu l-marki tas-swaba’ tiegħu li qablu mar-rekords li għandhom l-Ingliżi. L-Ispettur tal-Pulizija Mark Galea ppreżenta rapport li fih hemm miktub li l-marki tas-swaba’ Ingliżi ttieħdu mill-akkużat b’konnessjoni ma’ reat kriminali preċedenti.

Wieħed mill-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa għandu rabta ma’ Malta

Madankollu, il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li l-identità tar-raġel ġiet stabbilita biss fuq bażi ta’ probabbiltà. Hi ordnat li espert Malti jieħu kampjuni tal-marki tas-swaba’ tar-raġel u jagħmel analiżi komparattiva mill-ġdid. Dan sabiex jitneħħa kull dubju li l-akkużat huwa fil-fatt ir-raġel imfittex mill-Pulizija, peress li d-Difiża qed tgħid li l-akkużat mhuwiex Guest More, imma jismu Andrew Christopher Lamb, u kkontestat l-ordni ta’ estradizzjoni fuq il-bażi li l-akkużat mhux ir-raġel imsemmi fl-ordni.

Il-kawża ġiet diferita għall-14 ta’ Ġunju meta għandu jiġi ppreżentat ir-rapport tal-espert li se janalizza l-marki tas-swaba’. Id-deċiżjoni finali għandha tittieħed lejn tmiem Ġunju.