Ordni biex ma jsajrux fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum

Il-UĦM Voice of the Workers ordnat lill-ħaddiema ta’ Aġenzija Sapport biex isegwu bosta direttivi b’effett immedjat fosthom li ma jsajrux fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità, ma jkun hemm l-ebda tip ta’ komunikazzjoni, ma jieħdux ordnijiet mill-maniġment u ma jieħdux sehem f’workshops u seminars għall-ġenituri fost bosta oħrajn.

Newsbook.com.mt kiseb l-imejl li qed jintbagħat lil membri kollha tal-unjin sabiex iħabbar l-irreġistrar tat-tilwima industrijali mal-Aġenzija Sapport fuq nuqqas ta’ ftehim dwar l-ispunti li għandhom pendenti fil-ftehim kollettiv.

Sors li tkellem ma’ Newsbook.com.mt sostna li l-ftehim kollettiv se jagħlaq sentejn skadut f’Diċembru li ġej. Irrimarka li l-ħaddiema soċjali jagħtu qalbhom fix-xogħol tagħhom imma ma jiġux stmati. Irrimarka li d-direttivi se jaffetwaw b’mod dirett lill-klijenti li jużaw is-servizzi tagħhom, li jinkludu kemm tfal u kbar u ma jidhirx li hemm ħjiel ta’ kemm se jdumu fis-seħħ.

Direttivi li daħlu fis-seħħ b’effett immedjat minn dalgħodu huma:  

  • Ma jkun hemm l-ebda tip ta’ komunikazzjoni, kemm bit-telefown, b’imejl, b’messaġġi jew ittri, kif ukoll ma jattendux u ma jipparteċipawx f’laqgħat;
  • Ma jieħdux ordnijiet mill-Maniġement;
  • Ma jagħmlux rapporti;
  • Ma jagħmlux xogħol ta’ tisjir fir-residenzi u fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum
  • Ma jattenduxjew jipparteċipawx f’case conferences;
  • Ma jieħdux sehem f’workshops u seminars għall-ġenituri;
  • Community Support Workers jirrapportaw għax-xogħol fiċ-ċentri ta’ matul l-jum jew residenzi;
  • PSW, Executives u Senior Executives/ Practitioners ma jaħdmux minflok il-leader u l-coordinator;
  • Leaders u Coordinators ma jaghmlux xoghol ta’ sapport workers;
  • Ma jiffirmawx l-attendenza sakemm mhux ghall-overtime;

Intant, aktar direttivi se jidħlu fis-seħħ min-nhar it-Tnejn, 10 ta’ Settembru jekk ma jsiru l-ebda avvanzi. Dawn jinkludu: 

  • Ma jaghmlux xoghol ta’ trasport u qadi fuq barra (ma jmorrux ghall-appuntamenti, xiri u kull xoghol iehor fuq barra)
  • Ma jaghmlux xoghol ta’ eskorta;
  • Ma juzawx vetturi privatikif ukoll tal-Agenzija;
  • Ma jaghmlux assessment/case reviews min Professjonisti fic-centri ta’ Matul il-Jum u Residenza

F’Jannar li għadda kienu nħarġu direttivi simili għall-ħaddiema soċjali fi ħdan il- Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) wkoll minħabba li l-ftehim kollettiv tagħhom kien skada u l-laqgħat kienu baqgħu jiġu posposti ta’ spiss. Ma’ Newsbook.com.mt, il-ħaddiema soċjali kienu qalu li jħossu li mhux qed jiġu rispettati bħala professjonisti. Spjegaw li minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol qed jispiċċaw jintilfu ħaddiema li jkollhom ċerta snin ta’ esperjenza. Diversi social workers kellhom itemmu l-karriera tagħhom minħabba l-ammont ta’ stress li jkunu taħtu u li jkollhom bżonn paga u sigħat aħjar biex ikunu jistgħu jsostnu l-familja tagħhom.