Ordnata tinqatel merħla nagħaġ mhux reġistrata

Merħla nagħaġ ġiet ordnata tinqatel hekk kif il-Qorti tal-Appell ma laqgħatx it-talba ta’ bidwi Għawdxi biex din il-merħla ma tinqatilx wara li naqas milli jirreġistrahom.
L-ewwel Qorti f’Lulju tal-2014 kienet iddeċidiet favur il-qtil ta’ 200 nagħġa oħra, li sar fl-2012 bl-għan li tkun imħarsa s-saħħa pubblika.
Peress li l-bidwi ma rreġistrax in-nagħaġ, kien hemm suspett li dawn l-annimali kienu morda.
Il-Qorti tal-Appell qablet li n-nuqqas ta’ traċċibilità tal-annimali tfisser li s-suspett tad-Direttur għas-Servizzi Veterinarji kien ġustifikat u għalhekk imxew skont il-liġi meta ġew ordnati jinqatlu.
Erba’ snin ilu, il-bidwi Gianni Attard ħa passi legali kontra d-Dipartiment biex dawn jitwaqqfu milli jkomplu joqtlu iktar nagħaġ. Hu argumenta li n-nagħaġ maqtula kienu jiswew iktar minn €500,000 u meta kienu ttestjati, ebda minnhom ma kienu morda.