Ordnata tħallas lura €13,000 benefiċċji soċjali

Mara li kienet qed tieħu ħsieb lil ħuha marid serjament kienet ordnata mill-Qorti biex tħallas lura €13,000 benefiċċji soċjali wara li nstab li hija s-sid ta’ assi immobbli li jaqbżu l-€14,000.
F’April ta’ sentejn ilu, l-allowance li kienet qed tirċievi għall-Assistenza Soċjali twaqfitilha u ntalbet tħallas il-flus kollha li rċeviet bejn l-2013 u l-2015.
Dan wara li d-Dipartiment għas-Servizzi Soċjali innota kif il-mara għaddiet lill-oħtha, bħala donazzjoni, share li kellha fuq żewġ garaxxijiet.
Il-valur tal-propjetà li għaddiet kienet iddikjarata li tiswa €29,200. Dan l-ammont jaqbeż sew l-€14,000 u għalhekk, skont il-liġi, ma kinitx intitolata għall-allowance.
Il-mara kienet fetħet appell quddiem l-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali, liema appell ma kienx intlaqa’ u għalhekk ħadet il-każ il-Qorti.
Hija spjegat li kienet għaddiet il-propjetà lill-oħtha bħala ħlas għal dejn ta’ Lm20,000 li kellha magħha.
Qalet ukoll li hija ma kinitx is-sid benefiċċjarja tal-propjetà u li din kienet irreġistrata fuq isimha għax missierha kien ibati mill-vizzju tal-logħob.
Minkejja dan il-Qorti ma laqgħetx l-appell u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Arbitru.